Lokali

Fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla l-14-il edizzjoni tal-Malta Military Tattoo

Il-banda tal-Korp tal-Pulizija u tal-Forzi Armati ta’ Malta se jerġgħu jingħaqdu flimkien biex itellgħu l-ispettaklu Military Tattoo.

Din se tkun l-14-il edizzjoni tal-Malta Military Tattoo li se ssir fl-MFCC f’Ta Qali s-Sibt 14 u l-Ħadd 15 ta’ Ottubru.

Mal-banda tal-armata u tal-korp tal-Pulizija se jingħaqdu baned oħra mir-Renju Unit u anke mir-Russja.

Id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha s-Surmast tal-banda tal-AFM, Jonathan Borg spjega li waqt il-Military Tattoo se tindaqq mużika moderna, ma jonqsux marċi militari u se jkum hemm anke solisti żgħar.

Minn naħa tiegħu s-Surmast tal-banda tal-Korp tal-Pulizija Anthony Cassar qal ħadmu biex jagħtu spettaklu mill-isbaħ li se jgħin biex titkattar l-esperjenza kulturali ta’ pajjiżna li anke l-qasam militari jifforma parti minnha.

Biex wieħed jikseb aktar informazzjoni dwar il-Malta Military Tattoo 2017 jista’ jżur is-sit maltamilitarytattoo.org jew fuq il-pagna ta’ facebook.