Fi tmiem il-ġimgħa ssir l-Mdina Grand Prix, festa ta’ karozzi antiki u klassiċi li jtellqu f’Grand Prix li kull ma jmur qed iżid fil-popolarità.
Il-Ġimgħa filgħodu ittella’ l-‘Concours d’Elegance’; wirja statika tal-karozzi b’numru ta’ kompetizzjonijiet. Kif jispjega Mark Warner, l-organizzatur ewlieni tal-konkors, li spjega li fil-Concours jipparteċipaw mhux biss karozzi li se jieħdu sehem fil-Grand Prix, iżda anke karozzi oħrajn.
L-eqdem karozzi esebiti jmorru lura għas-snin tletin, bl-iktar waħda riċenti tkun karozza tal-1976.
Fost dawk li żaru l-karozzi klassiċi kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li akkumpanjat mid-Deputat David Agius, iltaqa’ kemm mad-dilettanti, iżda wkoll ma’ uħud mis-sidien tal-karozzi esebiti. Fosthom Charlie Bonanno, li l-karozza tiegħu Pontiac 8 tal-1932 hija waħda mill-eqdem fost dawk esebiti.
Charlie għandu ħafna karozzi antiki, imma din hija l-iktar waħda riċenti, għax ilha għandu xahrejn biss. Waħda mill-kategoriji li qed jikkompeti fiha Charlie hija tal-kostumi. “Tipprova tilbes il-kostum tal-atmosfera ta’ dak iż-żmien,” qalilna Charlie, waqt li uriena xi aspetti differenti tal-karozza ta’ lewn ħadrani li xtara mill-Amerika xahrejn ilu.
“Kemm jien kif ukoll it-tifel iffissati fil-karozzi,” żied jgħid, waqt li spjegalna kif apparti l-Pontiac 8, għandu numru ta’ karozzi klassiċi oħra. “Id-delizzju qiegħed hemm, fid-demm,” temm jgħid Charlie.
Meta kien qed idur il-karozzi klassiċi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem fit-tul mas-sidien tal-karozzi. Apparti li ltaqa’ ma’ uħud mill-organizzaturi, Adrian Delia ntlaqa’ wkoll mis-Sindku tal-Imdina Peter Dei Conti Sant Manduca.
It-tlielaq tal-karozzi klassiċi fil-Grand Prix jrisu s-Sibt u l-Ħadd.