Lokali

FILMAT: Għasfur protett jinqatel minn kaċċaturi u jinżel f’bitħa ta’ skola ; “Wasal iż-żmien li l-Prim Ministru jieħu azzjoni” – Birdlife Malta

Każ simili seħħ fl-2015 - dakinhar ingħalaq l-istaġun

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jasal ibiddel u jintroduċi liġijiet progressivi, għaliex dwar il-kaċċa le?

Qed issostni dan Birdlife Malta wara li fl-aħħar sigħat 3 għasafar protetti nqatlu minn kaċċaturi. Wieħed mill-għasafar, kuċċarda, spiċċat fil-bitħa tal-iskola St Edwards, l-Birgu. Għasfur ieħor, Fjamingu, nstab f’Ħal Farruġ u għasfur ieħor seqer tal-ħannieqa, inqatel iż-Żurrieq.

Każ simili kien seħħ fl-2015 bid-differenza li l-Prim Ministru dakinhar kien għalaq l-istaġun tal-kaċċa.

Illum Birdlife Malta għamlet konferenza tal-aħbarijiet fl-iskola St Edwards u li għaliha kien hemm preżenti l-isudenti li sabu l-għasfur mejjet fl-iskola.

Jirriżulta li l-istudenti kienu qed jipparteċipaw f’live in tal-iskola meta semgħu tiri u raw l-għasfur jaqa’ma l-art. B’xorti tajba l-istudenti mill-ewwel infurmaw lill-għalliema tagħhom biex javzaw lill-Animal Walfare u l-Birdlife Malta biex jaraw x’se jagħmlu bl-għasfur bit-tama li jsalvawh.Aktar tard l-għasfur traqqad.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet Birdlife Malta saħqet li l-Prim Ministru għandu jagħti spjega lil dawn l-istudenti ta’ dak li ġara u jispjegalhom jekk hux aċċettabbli li fl-2017 qed jesperjenzaw il-qtil ta’ għasfur protett.

Il-President ta’ Birdlife, Darryl Grima, saħaq li f’pajjiżna qed naraw diversi inizjattivi biex nibżgħu għall-ambjent eżempju fejn jidħol riċiklaġġ tal-iskart, enerġija alternattiva, semma’ anke l-konferenza ‘ Our Ocean’ u li kollha huma bżonnjużi u li minnhom qed joħorġu inizjattivi għall-futur. Hawn hu staqsa għaliex dwar il-kaċċa l-gvern mhux jieħu inizjattiva issa? Minn xiex qed jibża l-Prim Ministru? temm jistaqsi l-President tal-Birdlife.

S’issa nqatlu mat-30 għasfur protett u ħadd għadu ma tressaq il-Qorti