Lokali Qorti

Il-Ġuri dwar qtil fil-Qbajjar:”L-Akkużat għandu każ “moderat sa sever” ta’ PTSD” – jixhed il-Psikjatra

Gerald Galea għandu każ “moderat sa sever” ta’ post-traumatic stress disorder (PTSD) kaġun tal-konfrontazzjoni u l-inċident li fihom kien tilef ħajtu John Spiteri.

Sostna dan il-Psikjatra Mark Xuereb meta illum xehed fil-ġuri kontra l-istess Galea hekk kif il-ġuri issa qed joqrob lejn il-fażi konklussiva tiegħu, bid-difiża tagħlaq il-provi tagħha.

Gerald Galea ta’ 67 minn Marsalforn, Għawdex, jinsab akkużat bil-qtil volontarju ta’ John Spiteri ta’ 54 sena. Id-delitt kien seħħ fil-Qbajjar Għawdex fid-19 ta’ Ġunju 2013 fit-3.15p.m. meta il-vittma, flimkien ma’ ibnu Matthew Spiteri, kien qed jiżbor siġar biex allegatament jagħmel spazju għal gabbana. F’mument minnhom tfaċċa l-akkużat bil-karozza tiegħu jilmenta dwar dan. L-argument eskala, u wara li allegatament dar numru ta’ drabi madwar il-parkeġġ, Galea allegatament saq fuq Spiteri.

Ir-raġel, iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’qagħda kritika u tilef ħajtu ftit siegħat wara.  Minbarra l-qtil volontarju ta’ John Spiteri, Gerald Galea jinsab akkużat ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ Matthew Spiteri u li kkaġuna ħsarat kbar fuq vettura li ma kienitx tiegħu.

Quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, it-tabib Xuereb xehed li hu beda jara lill-akkużat madwar 7 ġimgħat wara li kien seħħ l-inċident. Hu qal li b’kollox, hu ra lil Galea madwar 40 darba, bl-aħħar appuntament ikun fil-11 ta’ Settembru li għadda.

Il-Psikjatra tenna li Gerald Galea dejjem kien konsistenti, ġenwin u loġiku fir-risposti tiegħu. Hu qal li l-akkużat qed ibati minn stress akut u każ moderat għal sever ta’ PTSD.

Hu irrakkonta episodju meta l-akkużat kien passiġġata flimkien mal-mara tiegħu meta dak il-ħin inqala’ argument. Meta beda jisma’ t-ton tal-argument u l-għajjat, Galea inħakem minn biża kbir, qal it-Tabib Xuereb.

It-Tabib Mark Xuereb qal li Galea qed jieħu pilloli minħabba l-kundizzjoni li żviluppat u qed jingħata counselling psikoloġiku kif ukoll counselling mill-aspett spiritwali għaliex l-akkużat hu bniedem reliġjuż.

Għal mistoqsijiet tal-ġurati, Xuereb qal li Galea hu persuna reliġjuża u għadu jitlob għall-vittma.

Xehdet ukoll Gina Hili li tiġi oħt l-akkużat. Hi qalet li hi kienet fil-Kanada meta kien seħħ l-inċident.

Il-Ġuri mistenni jkompli bir-replika tal-Prosekuzzjoni. Eventwalment, wara kontro-replika mid-Difiża, l-Imħallef Antonio Mizzi jindirizza lill-ġurati qabel jiddeliberaw sabiex jaslu għal verdett.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Giannella Busuttil mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Jason Azzopardi qed jidhru għal Galea. L-Avukat Joe Giglio qed jidher parte civile għall-familja Spiteri.