Bl-Avviż Legali li ressaq, il-Gvern Laburista jrid li jimponi l-kiri tal-ġuf u l-gamete donation f’pajjiżna. Fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista ħa din id-deċiżjoni mingħajr ebda konsultazzjoni, iżda qabad u ddeċieda waħdu f’kamra magħluqa. Il-Partit Nazzjonalista kien qed jirreaġixxi għall-kummenti tal-Prim Ministru dalgħodu li kkonferma li se jbiddel il-liġi tal-IVF, u għalhekk se jkun qed jimponi l-kiri tal-ġuf – is-surrogacy – u l-gamete donation.
Skont il-Partit Nazzjonalista, b’dan il-kumment, il-Prim Ministru ta raġun lill-Oppożizzjoni meta ddikjara li se jbiddel il-liġi tal-IVF. Dan juri kemm l-Avviż Legali li ressaq hu stess qed jikser il-liġi attwali. Fil-fatt, dwar dan tkellem il-Kelliem għas-Saħħa tal-Partit Nazzjonalista Stephen Spiteri, li spjega li filwaqt li l-Oppożizzjoni hi favur il-prinċipju ta’ 100 siegħa leave għal koppji li jkunu għaddejjin minn assistenza medika għall-prokreazzjoni, u temmen li dan għandu jiddaħħal mill-aktar fis possibbli, fl-istess ħin, l-Oppożizzjoni ma tistax tkun kompliċi fi ksur tal-liġi u f’deċiżjonijiet fuq temi etiċi li jsiru mingħajr ebda diskussjoni.
L-oġġezzjoni li aħna sibna wara li ddiskutejna fil-Grupp Parl hi li din il-Legal Notice mhix parallel mal-liġi attwali li għandna f’pajjiżna għal dawk li huma intitolati li jisgħu legalment jużaw dawn il-mezzi. Għaliex? Għax sal-lum il-ġurnata f’pajjiżna dawn il-mezzi ta’ prokreazzjoni assistita jintużaw biss minn koppji eteroseswali, jew min koppji li ilhom flimkien jgħixu, jew huma ta’ ċertu eta’ – huma adulti. Għalhekk din il-liġi sal-lum teskludi mezzi oħrajn li jintużaw barra minn Malta bħall-embryo freezing, gamete donation u surrogacy. Sal-lum, dawn għadhom ma ġewx diskussi f’pajjiżna, huma llegali jekk wieħed jagħmilhom, u għalhekk bħala Oppożizzjoni ħassejna li jekk ma noġġezzjonawx għal din il-legal notice, nkunu b’mod indirett, qegħdin b’xi mod inbierku, nkunu kompliċi, ma’ dawk li llumm jistgħu jmorru barra minn Malta u jużaw is-servizzi ta’ surrogacy, ta’ gamete donation, u ta’ embryo freezing.
Fl-istqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li hu favur li f’pajjiżna ssir diskussjoni miftuħa dwar dawn it-temi etiċi. U tant ma jridx li l-Gvern jiddeċiedi waħdu fuq liġijiet daqstant sensittivi, li ressaq Mozzjoni biex l-Avviż Legali li ressaq il-Gvern jinbidel, u jkun jirrifletti l-liġijiet tal-lum.
Iżda wara li l-Prim Ministru nqabad li jrid jimponi l-kiri tal-ġuf u l-gamete donation f’pajjiżna, f’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru Helena Dalli bdew jgħidu li għad trid issir diskussjoni. Dan f’temp ta’ ftit siegħat.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li se jibqa’ jkun l-uniku vuċi tar-raġuni f’pajjiżna, fejn fuq temi morali, ssir diskussjoni miftuħa, wiesgħa u li tagħti ċ-ċans lil kulħadd jesprimi l-opinjoni tiegħu.
//= $special ?>
