Lokali

Il-PN se jibqa’ jaħdem biex jara li l-isports jibqa’ prijorità – Adrian Delia, Kap tal-PN

Waħda mill-prijoritajiet politiċi tal-Partit Nazzjonalista hi li jara li l-poplu Malti u Għawdxi jgħix ħajja sana. Hekk għamel meta kien fil-Gvern u hekk se jibqa’ jagħmel mill-Oppożizzjoni.

Hu għalhekk li qed jibqa’ jippromwovi kull tip ta’ sport biex l-isportivi ma jaqtgħu qatt qalbhom, iżda irrispettivament mill-avversarji, m’għandhom qatt jissottovalutaw lilhom infushom.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa li kellu ma’ sportivi minn erba’ għaqdiet differenti, li matul din is-sena kisbu suċċess lokali jew internazzjonali. Din kienet waħda minn sensiela ta’ laqgħat li Adrian Delia għamel ma’ għaqdiet differenti mis-soċjetà ċivili fl-ewwel jiem tiegħu bħala Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

L-ewwel laqgħa tiegħu mal-isportivi, organizzata mill-fergħa TimSport PN, ġabret flimkien lil-Luxol Futsal, lil San Ġiljan Aquatic Sports Club, lil Simon Giordamaina Drag Racing u lil Chaudron Powerboats.

Bħala persuna li ġej mill-qasam sportiv, Adrian Delia enfasizza dwar l-importanza tat-teamwork għax qal li meta jingħaqdu n-nies, it-tim jirbaħ. Saħaq li l-mentalità li għax aħna żgħar mhux kapaċi trid tinqata’ u għalhekk wieħed irid jemmen aktar fih innifsu biex jasal fejn jixtieq.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bħala politiku se jaħdem kemm jiflaħ biex jiżdied l-investiment fil-faċilitajiet sportivi ħalli dawn ikunu tal-ogħla livell. Jemmen li jekk tim ma jkollux il-faċilitajiet meħtieġa, il-livell mixtieq qatt ma jintlaħaq.

Adrian Delia ħa spunt mis-suċċess storiku li kiseb il-klabb Ġiljaniż tal-waterpolo billi tenna li l-isportiv Malti jeħtieġ jgħolli l-aspettativi tiegħu u ma jikkuntentax b’sempliċiment titlu, iżda jaspira li jkun aqwa mill-aqwa atleti jew skwadri sportivi.

Preżenti wkoll għal-laqgħa kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isports David Agius, flimkien ma’ membri minn TimSport PN.