Lokali

Il-Pulizija tgħid li qed tifttex persuna li wettqet l-isparatura tal-bieraħ; żewġ persuni feruti gravi

Il-Pulizija fi stqarrija li ppubblikat dalgħodu dwar l-isparatura tal-bieraħ filgħaxija fil-Mellieħa, qalet li allegatament persuna mhux magħrufa, li kienet wara siġra, allegatament sparat tiri t’arma tan-nar lejn iż-żewġ persuni li kienu fil-vann.

L-Isparatura seħħet għall-ħabta tas-sebgħa u 7:30p.m. meta nstemgħu sparaturi u kienu feruti żewġ persuni, raġel ta’ 29 sena mill-Mellieħa, li kien qed isuq il-vann, u passiġġier ta’ 30 sena mill-Imsida. Iż-żewġ persuni kienu fil-vann tat-tip Isuzu fi Triq il-Qammieħ, il-Mellieħa, meta persuna li kienet wara siġra, sparat tiri t’arma tan-nar lejhom.

Iż-żewġ persuni sfaw feruti serjament, iżda komplew isuqu l-vettura sakemm waslu sa Triq il-Marfa (fejn il-bajja tal-Għadira) u waqqfu mal-ġenb tat-triq, fejn issejjħet l-assistenza.

Fuq il-post wasslu żewġ ambulanzi li ħadu lill-vittmi l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn iżjed tard huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.

Fuq il-każ inħattret Inkjesta Maġisterjali, mill-Maġistrat tal-Għassa Neville  Camilleri.

FILMAT: Persuni feruti wara li ntlaqtu minn xi tiri fil-Mellieħa