Illejla fid-9.35pm fuq Net Television se jixxandar l-ewwel programm mit-tielet edizzjoni tal-programm dwar il-futbol lokali Replay Preview. Il-format ta’ din is-sena se jibqa’ simili tal-aħħar snin, b’ħarsa lejn il-partiti ta’ tmiem il-ġimgħa tal-Kampjonat BOV Premier kif ukoll attenzjoni lejn il-logħbiet mid-diviżjonijiet l-oħra.
Minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali, dan l-ewwel programm se jkun differenti minn tas-soltu. Illejla se tingħata ħarsa lejn il-partita tal-bieraħ kontra l-Litwanja b’intervisti wara l-logħba ma’ Andrew Hogg, Andrei Agius, Joseph Zerafa, Andrè Schembri, il-kowċ Pietro Ghedin u l-kowċ tal-Litwanja Edgaras Jankauskas. Minbarra dan, se tingħata ħarsa wkoll lejn l-aħħar impenn tat-tim nazzjonali minn dan il-grupp, il-Ħadd li ġej kontra s-Slovakkja.
Ir-rokna tant popolari X’Sar Minnhom? se terġa’ tkun mat-telespettaturi. Illum l-intervista li Christian Micallef għamel hi ma’ Willie Vassallo, wieħed mill-aqwa midfielders li qatt ipproduċa l-futbol Malti. Vassallo kellu karriera mill-aqwa ma’ Floriana fejn rebaħ kull unur tal-futbol Malti, f’dak li hu wieħed mill-isbaħ mument ta’ Floriana fis-snin 70, qabel ma emigra lejn l-Awstralja.
Fil-programm tal-lum se tingħata attenzjoni wkoll lejn il-Kampjonat BOV tat-Tieni Diviżjoni, speċjalment lejn il-konfronti bejn Fgura United u Santa Lucia kif ukoll il-konfront bejn Siġġiewi u Swieqi United b’intervisti mal-kowċis rispettivi.