Futbol Sport

L-Arġentina jibqgħu f’periklu li ma jgħaddux għat-Tazza tad-Dinja

Id-diżappunt fuq uċuħ il-plejers tal-Arġentina (Ritratt: EPA

L-Arġentina baqgħu f’periklu li ma jikkwalifikax għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja għall-ewwel darba mill-1970, wara li spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls kontra l-Perù. Lanqas attendenza numeruża fl-istadium ta’ storja La Bombonera ma kienet biżżejjed għat-tim Arġentin li komplew jinżlu fil-klassifika tal-Amerika ta’ Isfel.

L-attakkant ta’ Boca Juniors Dario Benedetto ngħata l-ewwel debutt mill-bidu fl-attakk flimkien ma’ Alejandro Gomez ta’ Atalanta, iżda ma rnexxielhomx jinfdu lid-difiża avversarja. It-tim ta’ Sampaoli kellhom il-kontroll u kienu l-aktar avventurużi fl-ewwel fażijiet taż-żewġ taqsimiet, iżda l-Perù żammew sod, anki b’wirja tajba tal-gowlkiper Gallese.

Messi mar qrib li jiskorja mal-kwarta logħob wara li rċieva passaġġ fil-baxx minn korner, iżda x-xutt minn pożizzjoni ċentrali ġie mdawwar f’korner minn Gallese. L-istilla Arġentina reġa’ mar viċin tmien minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt minn pożizzjoni tajba li ta biss l-illużjoni tal-gowl.

Dario Benedetto kellu żewġ okkażjonijiet fl-aħħar tal-ewwel taqsima u fil-bidu tat-tieni taqsima, bix-xutt tal-aħħar jiġi salvat parzjalment, b’Lionel Messi jolqot il-wieqfa mir-rebawnd. Minuta wara, xutt ta’ Lucas Biglia kien imdawwar f’korner mill-gowlkiper avversarju.

Gallese reġa’ kien protagonista għaxar minuti wara meta salva mill-viċin xutt ta’ Gomez, wara passaġġ ta’ Messi. Is-sostitut Rigoni falla ċans tad-deheb mas-siegħa logħob, meta naqas li jiskorja mill-kaxxa ż-żgħira wara azzjoni mill-isbaħ ta’ Messi.

Mascherano ttanta xortih fl-aħħar kwarta b’xutt li għadda ċentimetri fuq il-lasta. It-tim ta’ Sampaoli baqa’ jagħfas biex isib il-gowl rebbieħ, iżda baqa’ ma skorjax biex issa jridu jegħlbu bilfors lill-Ekwador biex tal-anqas jassiguraw minn post fil-play-offs.

F’logħbiet oħra, gowl tard fil-logħba tal-attakkant Alexis Sanchez għen liċ-Ċili jerbħu 2-1 kontra l-Ekwador biex telgħu fil-ħames post. L-ewwel erba’ timijiet jikkwalifikaw dirett filwaqt li min jispiċċa l-ħames, jilgħab darbtejn kontra New Zealand f’nofs Novembru.

Rebħa għat-tim Arġentin fi Quito tista’ tħallihom jittamaw, iżda biex jgħaddu b’mod awtomatiku jridu li riżultati oħra jmorru favurihom.

Il-Brazil ukoll spiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls kontra l-Bolivja, bit-tim Brażiljan diġà assigura postu mill-kwalifikazzjoni b’vantaġġ ta’ 10 punti li bihom rebħu wkoll il-grupp. L-Urugwaj ma rnexxielhomx jegħlbu lill- Veneżwela fi draw ieħor ta’ mingħajr gowls.

Il-Kolombja tilfu ċ-ċans li jassiguraw posthom wara li tilfu 2-1 f’darhom kontra l-Paragwaj li żammew it-tamiet tagħhom li jikkwalifikaw. Radamel Falcao kien poġġa lit-tim Kolombjan fil-vantaġġ fis-70 minuta, iżda gowls minn Oscar Cardozo minuta mit-tmiem u Antonio Sanabria fil-ħin miżjud dawru r-riżultat.

Riżultati

Arġentina v Perù              0-0

Bolivja v Brażil                 0-0

Ċili v Ekwador                  2-1

Kolombja v Paragwaj      1-2

Veneżwela v Urugwaj     0-0