Wara li kważi kienu ċerti li mhux se jirbħu Grupp G, l-Italja tilfu żewġ punti importanti meta spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra l-Maċedonja f’logħba li ntlagħbet fi Stadio Olimpico ta’ Turin.
It-telfien ta’ punti kien importanti għaliex l-Italja minkejja li huma ċerti mit-tieni post, iridu jassiguraw li jġibu kemm jista’ jkun punti biex jilagħbu l-play-offs u jaraw ma’ min jistgħu jiġu.
It-tim ta’ Gian Piero Ventura li kellu diversi plejers regolari nieqsa, mar fil-vantaġġ fl-40 minuta b’gowl tad-difensur Giorgio CHIELLINI, iżda bl-Italja ma jagħlqux il-logħba, Aleksandar TRAJKOVSKI ġab id-draw fis-77 minuta.
Spanja ħadu vantaġġ minn dan id-draw, b’rebħa faċli ta’ 3-0 fuq l-Albanija biex assiguraw mir-rebħ tal-grupp u għalekk ikkwalifikaw awtomatikament għat-Tazza tad-Dinja.
It-tim ta’ Lopetegui għalaq il-logħba fl-ewwel parti tal-logħba, meta wara li RODRIGO fetaħ l-iskor fis-16-il minuta, żewġ minuti wara kien ISCO li rdoppja. Thiago ALCANTARA għamihom tlieta fis-27 minuta.
F’logħba oħra mill-istess grupp, l-Iżrael għelbu barra minn darhom lil Liechtenstein 1-0, biex issa jinsabu punt taħt l-Albanija. Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal fil-21 minuta permezz ta’ Eitan TIBI.
Grupp D kompla jiżvolġi f’wieħed interessati hekk kif il-leaders is-Serbja tilfu, b’Wales u r-Repubblika tal-Irlanda rebħu t-tnejn biex baqgħu jittamaw b’logħba għat-tmiem.
Is-Serbja tilfu 3-2 kontra l-Awstrija. Luka MILIVOJEVIC poġġa lis-Serbja minn fuq fil-11-il minuta, iżda Guido BURGSTALLER ġab id-draw fil-25 minuta. L-Awstrija marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba fis-76 minuta permezz ta’ Marko ARNAUTOVIC, iżda l-midfielder Nemanja MATIC ġab id-draw għas-Serbja fit-83 minuta. Madankollu Louis SCHAUB skorja l-gowl tar-rebħa fid-89 minuta.
Wales għelbu lil Georgia 1-0 barra minn darhom. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fid-49 minuta minn Tom LAWRENCE. L-Irlanda għelbu lil Moldova 2-0. Daryl MURPHY kien il-protagonista tal-logħba b’żewġ gowls wara żewġ minuti, bit-tieni gowl jasal fid-19-il minuta.
Grupp I wkoll għadu miftuħ beraħ, hekk kif tliet nazzjonijiet għadhom biċ-ċans li jirbħu l-grupp. L-Iżlanda jinsabu waħedhom fil-quċċata żewġ punti vantaġġ wara li għelbu lit-Turkija 3-0 barra minn darhom. Johann Berg GUDMUNDSSON fetaħ l-iskor fit-32 minuta, u seba’ minuti wara Birkir BJARNASON irdoppja l-vantaġġ. Kari ARNASON għalaq il-logħba bit-tielet gowl ħames minuti fit-tieni taqsima.
Il-Kroazja tilfu żewġ punti importanti meta spiċċaw 1-1 kontra l-Finlandja f’darhom. Mario MANDZUKIC fetaħ l-iskor fis-57 minuta, iżda l-Finlandja salvaw punt fid-90 minuta b’gowl ta’ Pyry SOIRI.
L-Ukrajna baqgħu jittamaw b’rebħa barra minn darhom fuq il-Kosovo 2-0. Awto-gowl ta’ Leart Paqarada mas-siegħa logħob fetaħ l-iskor, b’Andriy YARMOLENKO jagħlaq il-logħba fis-87 minuta.