“Irridu nkunu l-vuċi għall-aspirazzjonijiet tan-nies u għal dawk li jridu lilna nirrappreżentawhom ukoll”. Kienu dawn l-ewwel kummenti ta’ Adrian Delia meta l-Ġimgħa filgħaxija ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Kap tal-Oppożizzjoni fil-Palazz tal-President il-Belt.
Akkumpanjat mill-familja tiegħu, Adrian Delia wasal il-Palazz tal-President għall-ħabta tas-6.30pm, fejn kien skortat mill-Uffiċjali tal-Palazz għall-ewwel laqgħa mal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.
Malli wasal fi Pjazza San Ġorġ, Adria Delia kien milqugħ minn grupp ta’ persuni li nġabru biex ituh l-awgurju.
Fil-Palazz tal-President, Wara laqgħa ta’ ftit minuti bejn Adrian Delia u l-President ta’ Malta fis-Sala Perellos, huma marru fis-Sala tal-Ambaxxaturi, fejn fil-preżenza ta’ diversi qraba u anke deputati tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia ħa l-ġurament tal-ħatra.
U minnufih wara, ta l-ewwel kummenti tiegħu lill-media, fejn insista fuq l-importanza li l-Oppożizzjoni tirrappreżenta lil kulħadd, inkluż dawk il-minoritajiet li forsi m’għandhomx leħen, u li aktarx m’għandhomx kuluri politiċi.
“Xogħol tal-Oppożizzjoni li jkun il-leħen li jlissen dak kollu li qiegħed f’qalb in-nies, dak kollu li qiegħed f’moħħ in-nies, u dak kollu li qiegħed jinkwieta lin-nies. Irridu nkunu l-vuċi għall-aspirazzjonijiet tan-nies li jridu l-pajjiż tagħhom jirrappreżenta lilhom ukoll,” qal Adrian Delia fl-ewwel kummenti tiegħu.
Delia fakkar li għalkemm irid ikun hemm skrutinju fuq il-ħidma tal-Gvern, hu jrid imexxi Oppożizzjoni li tista’ tagħmel id-differenza.
“Mill-Oppożizzjoni, id-dmir tagħna mhuwiex li nistennew. Id-dmir tagħna mhuwiex li nistennew li nkunu fil-Gvern jew nippretendu li nkunu fil-Gvern, iżda li b’umiltà, nirbħu lin-nies li jirrealizzaw li anke mill-Oppożizzjoni aħna nistgħu ntejbulhom ħajjithom,” qal Adrian Delia. “Qegħdin hemm mhux biex inxekklu lill-Gvern imma biex verament nkunu kapaċi ntejjbu l-ħajjiet tan-nies anke mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni,” żied jgħid.
Fost dawk preżenti kien hemm l-eks Deputat Jean Pierre Debono, li ċeda s-siġġu Parlamentari tiegħu mis-7 distrett. Preżenti wkoll l-eks Deputat Peter Micallef, li ċeda s-siġġu tiegħu wara l-elezzjoni każwali, b’mod li wassal biex Adrian Delia seta’ kien co-opted fil-Parlament.
Wara l-ġurament tal-ħatra bħala Kap tal-Oppożizzjoni, l-ewwel impenn importanti ta’ Adrian Delia fil-Parlament se jkun ir-replika għad-diskors tal-budget.
//= $special ?>