Lokali Qorti

Is-serq minn karozzi fil-Park and Ride: Jitressaq żagħżugħ b’lista twila ta’ każi ta’ serq

Shaun Caruana ta’ 22 sena, dalgħodu tressaq il-Qorti akkużat li kkawża ħsarat u seraq minn 14-il karozza li kienu pparkjati fil-Park & Ride ta Blata l-Bajda. Il-każ kien seħħ fil-21 ta’ Awwissu li għadda bejn id-9a.m. u nofsinhar.

Caruana, li qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija, tressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia wara li l-pulizija elevat il-marki tas-swaba tiegħu minn fuq il-karozzi msemmija. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Hu kien akkużat ukoll li kien reċidiv u li wettaq reat waqt iż-żmien operattiv ta’ ordni ta’ probation maħruġ mill-Maġistrat Joseph Mifsud fl-10 ta’ Ġunju tal-2016.

Jammetti li seraq minn 22 karozza

Fl-14 ta’ Settembru li għadda – tliet ġimgħat wara l-każ li dwaru tressaq illum – Shaun Caruana kien ikkundannat għal tliet snin u nofs ħabs mill-Qorti wara li ammetta xejn inqas minn 36 akkuża b’rabta ma’ serq fuq 22 vettura.

Meta kien mistoqsi mill-Qorti x’inhi r-raġuni wara dawn ir-reati kollha mwettqa ta’ eta’ daqshekk żgħira, Caruana wieġeb li qed jisraq biex jiekol, “bla dar u bla xogħol, minn istituzzjoni għal oħra, ikolli nisraq biex niekol”.

Hu kien spjega li kien fittex kenn għand il-YMCA iżda filwaqt li ingħata kenn, hu ma kellux dritt għal ikel b’xejn għaliex għandu ‘il fuq minn 18-il sena.

Meta ta s-sentenza, il-Maġistrat Francesco Depasquale ordna lill-awtoritajiet tal-Ħabs jiżguraw li sakemm ikun qed jiskonta s-sentenza, iż-żagħżugħ jitgħallem sengħa sabiex ikun jista’ jmantni lilu nnifsu meta joħroġ mill-Faċilita’ Korrettiva ta Kordin.

Hu propju għax diġa’ qed jiskonta sentenza fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, li fil-proċeduri tal-lum, l-akkużat ma talabx il-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Daryl Borg u Jeffrey Scicluna, filwaqt l-Avukat ta’ Għajnuna Legali Noel Bartolo qed jassisti lil Shaun Caruana.

Tags