Lokali

Is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar tappoġġja l-Liġi tas-Samaritan it-Tajjeb mressqa mill-Oppożizzjoni

Is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar esprimiet is-sodisfazzjon tagħha dwar l-ewwel passi li qed isiru sabiex pajjiżna jintroduċi l-liġi magħrufa bħala s-Samaritan it-Tajjeb. Dan wara li l-oppożizzjoni ressqet liġi biex jiġu protetti persuni li jagħtu għajnuna lil min ikun f’periklu.

Fl-istqarrija r-Red Cross qalet li matul dawn is-snin, is-Soċjetà ħarrġet eluf ta’ persuni fl-ewwel għajnuna u kważi f’kull kors li sar, il-parteċipanti staqsew dwar konsegwenzi legali waqt u wara l-għoti tal-għajnuna.

Is-soċjeta’ sostniet li rridu nevitaw li jkollna nies li jinjoraw sitwazzjonijiet fejn jistgħu jamministraw l-ewwel għajnuna. Is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar kienet dejjem sensittiva dwar l-importanza tal-protezzjoni legali tan-nies li jagħtu l-ewwel għajnuna.  Sfortunatament sa issa l-liġi ma toffrix din il-protezzjoni.

Is-Soċjetà qed tipproponi dawn iż-żewġ punti biex ikunu nklużi fil-liġi:

A.    Protezzjoni għal kulħadd, anka lil dawk li mhumiex mħarrġa fl-ewwel għajnuna.

B.    Id-dritt li tirrifjuta li tamministra l-ewwel għajnuna jew li tipprova ssalva lil xi ħadd jekk dan ikun ta’ periklu għal ħajjet min ikun se jwettaq is-salvataġġ.

Ir-Red Cross qalet li apparti minn hekk, irridu nkunu ċerti li din il-liġi ma tipproteġix lil dawk li l-imġiba tagħhom hija negliġenti, malizzjuża jew traskurata.

Is-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar qalet li tinsab ħerqana biex tipparteċipa f’kull tip ta’ konsultazzjoni li tiġi mistiedna għaliha.