Lokali Qorti

Tkompli s-saga tal-eks Avukat Patrick Spiteri għall-ħelsien mill-arrest

Il-Maġistrat Audrey Demicoli mistennija titkellem ma’ rappreżentant tad-Direttur tal-Ħabs sabiex tkun solvuta l-kwistjoni tal-aċċess tal-eks Avukat Patrick Spiteri għad-dokumenti tiegħu.

Patrick Spiteri kien estradit lejn Malta mir-Renju Unit biex iwieġeb għal diversi akkużi ta’ frodi u miżapproprjazzjoni li jlaħħqu €7.4 miljun b’diversi każi pendenti quddiem numru ta’ Maġistrati.

Hu wasal Malta f’Mejju li għadda u minkejja diversi tentattivi sabiex jingħata l-ħelsien mill-arrest, Patrick Spiteri għadu qed jinżamm fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

Patrick Spiteri ressaq numru ta’ rikorsi sabiex jingħata l-ħelsien mill-arrest, ewlenin fosthom minħabba raġunijiet ta’ saħħa. F’dawn l-aħħar ġimgħat ressaq ukoll rikorsi minħabba li ma jistax ikollu aċċess għal iktar minn 500 kaxxa ta’ dokumenti taż-żmien meta kien jipprattika u li qed isostni li huma meħtieġa għad-difiża tiegħu.

Parti minn dawn id-dokumenti jinsabu maħżuna fil-bini tal-Qorti filwaqt li l-biċċa l-kbira tagħhom jinsabu fi propjeta’ fi Gwardamangia u li tinsab maqbuda mill-bank HSBC.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli, li ġiet assenjata l-każ wara li rtira l-Maġistrat Antonio Micallef Trigona, għamlitha ċara li mhux lesta tħalli l-każ – li ilu għaddej mill-2004 – ikompli ikarkar

L-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher għal Spiteri, spjega li għandu bżonn jagħmel konfront b’kontroeżami bejn ix-xhieda u d-dokumenti li għandu l-akkużat. Hu saħaq li s-sitwazzjoni tal-klijent tiegħu m’hi xejn għajr arrest illegali.

Madanakollu, il-Qorti sostniet li d-difiża trid issib soluzzjoni u mhux il-Qorti. Min-naħa tiegħu, l-Avukat Filletti qal li veru li mhux xogħol il-Qorti li ssib soluzzjoni iżda l-akkużat “għandu dritt sagrosant li jħejji difiża.”

Għaldaqstant, il-Qorti sejħet għal rappreżentant tad-Direttur tal-Ħabs sabiex jixhed fis-seduta li jmiss.

Il-Każ ikompli