Lokali

Albaniż imfittex mill-Pulizija b’rabta mas-serqa f’Tas-Sliema

Wara l-hold up f’ħanut tal-ġojjellerija f’Tas Sliema nhar il-Ħamis li għadda, il-Pulizija qiegħda tfittex persuni b’rabta ma’ dan il-każ.

Wieħed mill-persuni hu raġel ta’ passaport Albaniż li jismu Ramazan Hysa, ta’ madwar 24 sena, li hu maħsub li kien parti minn grupp ta’ persuni li mhux biss serqu l-ġojjellerija imam saħansitra ferew żewġ impjegati.

Dakinhar, fi Pjazza Tigne, żewġ ħallelin armati b’armi tan-nar – wieħed liebes parrokka ta’ buffu u ieħor beritta – daħlu fil-Ġojjellerija, marru dirett fuq il-vettrini, kissruhom u poġġew il-ġojjelli f’żewġ basktijiet.

Hekk kif il-ħallelin kienu qed jaħarbu, membru tas-sigurtà tal-istabbiliment – Taljan ta’ 45 sena – ipprova jwaqqafhom milli jaħarbu, iżda wieħed minnhom attakkah b’oġġett iebes u ferih f’rasu.

Il-ħallelin komplew jiġru u ħarbu mill-post bi ‘quadbike’ sakemm waslu qrib karozza tat-tip Suzuki Alto, li fiha kien hemm raġel ieħor jistenniehom. Il-karozza nstabet ftit tal-ħin wara qrib il-Kulleġġ Stella Maris fil-Gżira, hekk kif hu mifhum li l-ħallelin ħarbu minn hemm b’vettura oħra.

Kull min għandu xi informazzjoni dwar din il-persuna, qed jintalab jagħmel kuntatt mal-Pulizija, anke` b’mod anonimu, permezz tan-numri 119 / 21 224001 jew l-Għassa ta’ Tas-Sliema fuq 2294 3351.

Dwar dan il-każ għaddejja inkjesta mill-Maġistrat tal-għassa Neville Camilleri, li ħatar diversi esperti biex jassistuh fl-Inkjesta.