“Jien ma narax il-politika minn lenti tan-numri. Naħseb ikun inġust, naħseb li ma jkunx dak li l-Maltin u l-Għawdxin iridu. Jien irrid inwassal messaġġ – u l-messaġġ hu li l-Partit Nazzjonalista bil-mod ġdid ta’ kif se naghmlu l-politika kapaċi jkun Gvern alternattiv. Mill-Oppożizzjoni jrid jagħmel il-ħajja tan-nies aħjar u mill-Gvern irid ikun kapaċi jagħmel aktar” – dan hu l-appell li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għamel waqt il-programm Xarabank il-Ġimgħa filgħaxija.
Matul il-programm Xarabank, il-preżentatur Peppi Azzopardi staqsa lil Adrian Delia dwar diversi temi – partikolarment dwar l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Peppi Azzopardi staqsa jekk Adrian Delia għandux il-ħsieb li jirbaħ l-elezzjoni li jmiss – u Adrian Delia stqarr li hu mhuwiex profeta, pero hu żgur li l-Partit Nazzjonalista fl-erba snin u nofs li ġejjin għandu l-obbligu li jippreżenta lilu nnifsu quddiem il-poplu Malti bl-aqwa mod possibli, bl-umilta’ – biex jippreżenta u jkun verament Gvern alternattiv li l-Maltin u l-Għawdxin ikunu jriduh.
Adrian Delia ġie mistoqsi wkoll dwar l-Avviż Legali li jitratta s-surrogacy u l-gamete donation – fejn stqarr li l-oġġezzjoni tal-Partit Nazzjonalista ma kinitx dwar min għandu jkun il-ġenitur, iżda dwar il-proċess biex issir liġi.
“Aħna għamilna emenda biex il-Gvern jaċċerta li l-Avviż Legali jkun konformi mal-liġi – u filfatt din mhijiex konformi mal-liġi preżenti u l-Gvern diġa’ rrikonoxxa dan. Sal-bieraħ stess il-Prim Ministru qal li trid tinbidel il-liġi prinċipali”. Kompla, “Il-problema tagħna mhijiex fuq min se jkun il-ġenitur – dik assolutament mhijiex l-problema – iżda bil-proċess tal-IVF għax tidħol il-moralita u l-etika. Jekk fil-proċess ma jkun hemm l-ebda ksur ta’ etika jew morali u ċioe, ma jiġix mittifes id-dritt tal-embrijun u l-ħajja – hemmhekk ma nsibux problema. Aħna se nkunu leħen għal min m’għandux leħen” stqarr Adrian Delia.
Adrian Delia rrisponda wkoll dwar l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu. “Jekk xi awtorita’ jew xi ħadd ikun min ikun, li jieħu r-responsabbilta’ li jara d-dokumentazzjoni kollha u jsib oġġett wieħed minn dawk li mingħajr ebda bażi allegaw li kien hemm – iġifieri ħasil ta’ flus, prostituzzjoni jew hi x’inhi – jien nieħu r-responsabbilta’ tagħha. Jien nirreżenja minnufih – għax m’għandix”.
Matul il-programm spikka l-entużjażmu tal-pubbliku fis-sala u ċ-ċapċip t’appoġġ għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
//= $special ?>