Għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu, is-sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton kiseb il-Pole Position għall-Grand Prix tal-Ġappun li se jsir il-Ħadd fiċ-ċirkwit ta’ Suzuka. Għal Hamilton dan kien l-10 pole position f’dan l-istaġun minn total ta’ 16-il tellieqa.
Hamilton mhux biss kiseb il-pole position imma anke rreġistra ħin rekord biex il-Ħadd se jibda minn quddiem Sebastian Vettel tal-Ferrari li hu l-eqreb rivali tiegħu fil-klassifika.
Mandankollu, teknikament kien is-sewwieq l-ieħor tal-Mercedes Valtteri Bottas li rreġistra t-tini l-aħjar ħin imma dan se jibda mill-ħames post wara li ngħata penalità minħabba irregolarità fil-gearbox.
Hamilton kiseb Pole Position fid-19-il ċirkwit l-ieħor li hemm bħalissa inklużi fil-kalendarju tal-Formula 1 u kien biss iċ-ċirkwit ta’ Suzuka li qatt ma kien ħa l-Pole Position fih.
Hamilton bħalissa qiegħed fil-quċċata tal-klassifika ġenerali u għandu vantaġġ ta’ 34 punt fuq Vettel.
Mit-tielet u r-raba’ post se jibdew Daniel Ricciardo u Max Verstappen tar-Red Bull rispettivament.
Intant, ir-Renault ħabbru li akkwistaw lil Carlos Sainz Jr mingħand it-Toro Rosso u dan se jagħmel id-debutt tiegħu fil-Grand Prix tal-Istati Uniti li se jsir ġimgħatejn oħra.
Dan ifisser li Sainz se jieħu sehem fl-aħħar erba’ tlielaq tal-istaġun. Minn naħa l-oħra is-sewwieq Brittanniku Jolyon Palmer se jħalli lir-Renault wara t-tellieqa tal-Ħadd biex iħalli post vakant għal Sainz. Ma’ Toro Rosso se jibda jsuq ir-Russu Daniil Kvyat.
//= $special ?>