Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li għanda ssir diskussjoni trasparenti u miftuħa dwar il-pjanijiet tal-Gvern li jibni impjant ġdid li fih ikun ipproċessat l-iskart u li minnu se tkun iġġenerata l-enerġija.
F’ittra mibgħuta llum liċ-Chairman tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent Karol Aquilina spjega li dan il-proġett se jkollu impatt qawwi u fit-tul fuq l-immaniġġjar tal-iskart u konsegwentement fuq l-ambjent f’pajjiżna.
Peress li hija r-responsabbilità ta’ dan il-Kumitat li jagħmel skrutinju tad-deċiżjonijet tal-Gvern fil-qasam ambjentali, l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Kumitat biex:
1. Jisma’ lill-Ministru José Herrera u lill-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ dwar id-deċiżjonijiet li ħadu jew beħsiebhom jieħdu f’dan il-qasam;
2. Jiintwerew ir-rapporti kollha li saru għall-Gvern dwar dan is-settur, fosthom dawk li saru minn esperti bl-użu ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea; u
3. Jisma’ esperti f’dan il-qasam u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet involuti fis-settur ambjentali.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tikkommetti lilha nnifisha li tkompli tagħti l-kontribut tagħha biex tiżgura li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Gvern f’dan is-settur ikunu fl-aħjar interess ambjentali ta’ pajjiżna u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
//= $special ?>