Uffiċjal għoli Ewropew responsabbli mill-ħarsien tad-drittijiet umani rriżenja mill-kariga, fost investigazzjoni dwar il-korruzzjoni u ilmenti talli hu kien żar is-Sirja flimkien ma’ deputati parlamentari mir-Russja.
Ir-riżenja tal-Ispanjol, Pedro Agramunt, minn President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) kienet ikkonfermata wara li l-membri tal-Assemblea ( deputati parlamentari minn madwar l-Ewropa) sejħu biex hu jitwarrab mill-Presidenza.
Il-Kunsill hu l-watchdog ewlieni tad-drittijiet umani u l-PACE qed tinvestiga allegazzjonijiet li wħud mill-membri tagħha kienu għamlu l-favuri lill-Ażerbajġan fl-iskandlu mlaqqam ‘caviar diplomacy’.
L-Ażerbajġan, taħt it-tmexxija tal-President Ilham Aliyev, hu magħruf, fost oħrajn, għar-ripressjoni ta’ dissidenti politiċi. Intant, ilhom għaddejjin suspetti li l-Ażerbajġan influwenza lil xi membri tal-PACE, fost allegazzjonijiet li dawn kienu nxtraw bir-rigali. Dan meta, fl-2013, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ma laqgħetx rapport dwar il-priġunieri politiċi fl-Ażerbajġan.
Sadanittant, l-investigaturi indipendenti għandhom jirrappurtaw dwar l-iskandlu tal-PACE qabel l-aħħar tas-sena.
F’każ separat, Pedro Agramunt kien ikkritikat għal żjara li kien għamel f’Marzu fis-Sirja, flimkien ma’ deputati parlamentari Russi, u fejn hu ltaqa’ mal-President Sirjan Bashar al-Assad. Il-Mexxej Sirjan qed jiffaċċja kundanna internazzjonali għal abbużi dwar id-drittijiet umani, fosthom attakki kimiċi li jingħad li twettqu mill-qawwiet tiegħu.
Ir-Russja ilha minn Jannar teżerċita bojkott kontra l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li hi magħmulha minn 47 pajjiż. Dan meta Moska tinsab irrabjata dwar is-sanzjonijiet tal-Punent imposti fuqha wara li r-Russi għaqqdu l-peniżola tal-Krimea mat-territorju tagħhom u talli r-Russja qed tgħin lir-ribelli separatisti fil-Lvant tal-Ukrajna.
Il-PACE se jiltaqa’ il-ġimgħa d-dieħla iżda, issa, m’għandux isir id-dibattitu (ippjanat oriġinarjament) dwar il-pożizzjoni tal-eks President tagħha. Intant, il-Britanniku, Roger Gale, qed jassumi, temporanjament, il-kariga li kellu Pedro Agramunt.
//= $special ?>

