Il-Pulizija fir-Renju Unit arrestat raġel wara inċident li fih indarbu diversi persuni li ntlaqtu minn karozza qrib in-Natural History Museum ta’ Londra.
Il-Pulizija konfermat l-arrest tar-raġel fuq il-post wara l-inċident f’Exhibition Road, f’South Kensington, waqt li l-aħħar rapporti qalu li n-nies li ntlaqtu mill-karozza sofrew il-ġrieħi ħfief u li ħadd ma kien fil-periklu tal-mewt. Filwaqt li komplew l-investigazzjonijiet fil-każ, kelliema għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Londra qalu li t-Tmexxija tal-pajjiż kienet qed tkun aġġornata bl-aħħar żviluppi.
L-inħawi ta’ Exhibition Road huma popolari mat-turisti peress li fiz-zona, minbarra n-Natural History Museum, hemm ukoll is-Science Museum u l-Victoria and Albert Museum.
Filwaqt li ma kienx hemm il-provi konkreti li l-inċident kellu rabta mat-terroriżmu, l-awtoritajiet mhuma qed jeskludu xejn f’dan l-istadju meta r-Renju Unit jinsab fuq livell ta’ allert għoli għal xi attakk potenzjali fuq il-poplu. Intant, il-Pulizija baqgħu ma indikawx in-natura tal-inċident u qalu biss li kienu qed jevalwaw iċ-ċirkustanzi.
Il-Pulizija armata wieġbet minnufih għall-inċident f’South Kensington, b’numru ta’ ħelikopters jispiċċaw iduru fuq il-kapitali.
Għalissa l-istaff tan-Natural History Museum qed jaħdmu mas-servizzi tal-emerġenzi għall-analiżi tal-inċident, fost rapporti li l-Victoria and Albert Museum ‘huma miftuħ għall-viżitaturi’.
//= $special ?>

