Għexieren ta’ eluf ta’ nies issieħbu f’dimostrazzjonijiet għall-għaqda rispettivi fl-ibliet Spanjoli ta’ Madrid u Barċellona, b’dan isegwi r-referendum polemikuż ta’ ġimgħa ilu għall-indipendenza tal-Katalani mill-kumplament ta’ Spanja.
It-tema tad-dimostrazzjonijiet kienet favur l-għaqda u d-djalogu politiku, bl-attivisti jġorru tabelluni b’messaġġi bħal ‘Spanja hi aqwa mill-mexxejja tagħha’ u ‘Ejjew nissieħbu fi djalogu’.
Intant, l-inċertezza politika u l-futur imċajpar tar-reġjun ta’ Katalonja komplew iħallu r-riperkussjonijiet fil-qasam tal-kummerċ, fejn aktar entitajiet ħabbru ‘it-tluq’ minn Katalonja. Fil-fatt, il-Fondazzjoni Caixa li tikkontrolla wieħed mill-akbar banek Spanjoli ħabbret li qed titrasferixxi l-kwartieri-ġenerali lejn Palma de Mallorca fid-dawl tal-kriżi.
Il-pajjiż kollu jinsab fuq ix-xwiek għad-diskors, nhar it-Tlieta, mill-President Katalan, Carles Puidgemont, fost l-ispekulazzjoni li hu għandu jħabbar l-indipendenza ta’ Katalonja b’mod unilaterali.
Fir-referendum tal-Ħadd f’Katalonja, ħarġu jivvutaw 43 fil-mija tar-residenti, bir-riżultati juru li 90 fil-mija fost it-2.3 li vvutaw kienu favur l-indipendenza.
Intant, dakinar weġġgħu kważi 900 persuna meta l-pulizija pruvat tinforza l-projbizzjoni ta’ qorti għolja Spanjola għar-referendum, bil-qawwiet tal-liġi iferrxu lill-votanti fost xeni ta’ vjolenza. Fl-inċidenti weġġgħu wkoll numru ta’ pulizija.
L-eks Mexxej ta’ Katalonja, Artur Mas, issa, tkellem mal-gazzetta Financial Times fejn qal li r-reġjun tiegħu għadu mhux lest għal vera indipendenza ‘għalkemm jemmen ukoll li Katalonja rebħet id-dritt li tissepara minn Spanja’.
//= $special ?>

