Internazzjonali

Stati Amerikani fuq allert dwar uragan

 

L-Istati Amerikani fil-Golf tal-Messiku qed jistennew il-qilla ta’ uragan ieħor, imlaqqam ‘Nate’, fost l-evakwazzjonijiet mill-ibnadi ta’ New Orleans – il-belt li, 12 il-sena ilu, kienet ġarrbet l-impatt devastanti tal-Uragan Katrina.

Intant, l-elementi diġà rriżultaw f’talanqas 23 mewta meta l-uragan – li kien għadu f’livell ta’ maltemp tropikali – għadda min-Nikaragwa, il-Kosta Rika u l-Honduras.

Fl-aħħar sigħat ‘Nate’ kien irreġistrat bħala ‘uragan ta’ Kategorija 1’, għalkemm ma jidhirx li għandu jkun qawwi daqs l-uragani qattiela preċedenti, ‘Maria’ u ‘Irma’, li laqtu lir-reġjun fl-aħħar ġimgħat.

Intant, l-istat tal-allert hu effettiv għal numru ta’ Stati Amerikani, bil-Gvernatur ta’ Louisiana, John Bel Edwards jiddikjara stat ta’ emerġenza fost l-istennija għall-uragan.