Futbol Sport

TAZZA TAD-DINJA 2018 – Malta ttemm l-impenji bil-partita kontra s-Slovakkja

Il-logħba kontra s-Slovakkja se tkun l-aħħar logħba għal Pietro Ghedin (xellug) fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Malti.

L-aħħar logħba ta’ Ghedin bħala kowċ nazzjonali

Il-Ħadd fis-6pm Malta tilgħab barra minn darha kontra s-Slovakkja f’partita valida mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018.

It-tim Malti se jkun qed jilgħab l-aħħar loghba minn din il-fażi bl-għan li jkompli minn fejn ħalla wara l-wirja tal-Ħamis li għadda meta dakinhar kiseb punt fid-draw ta’ 1-1 kontra l-Litwanja.

Il-logħba kontra s-Slovakkja se tkun l-aħħar logħba għal Pietro Ghedin fit-tmexxija tat-tim nazzjonali.
Filwaqt li l-Maltin se jkunu ġejjin minn draw, is-Slovakki se jkunu ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra l-Iskozja. Dan ir-riżultat fisser li issa huma qegħdin fit-tielet post tal-grupp b’15-il punt, tnejn inqas mill-Iskozja.

B’hekk, wieħed jistenna lis-Slovakkja joħorġu aggressivi biex ifittxu li jieħdu t-tliet punti u fl-istess ħin jittamaw f’pass falz tal-Iskozja li se tilgħab barra minn darha kontra s-Slovenja.
Is-Slovakkja għadhom b’ċans li jgħaddu għall-play-offs jekk kemm-il darba huma jegħlbu lil Malta u l-Iskozja titlef barra minn darha.

Ta’ min jiftakar li l-grupp intrebaħ mill-Ingliżi li nhar il-Ħamis li għadda aċċertaw mill-ewwel post b’rebħa fl-aħħar sekondi kontra s-Slovenja.

Meta s-Slovakkja lagħbu kontra Malta f’Ta’ Qali dawn kienu rebħu bi skor ta’ 3-1. Dakinhar, f’Marzu ta’ din is-sena l-avversarji tagħna kienu marru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti b’gowl ta’ Weiss imma Farrugia kien ġab id-draw għal Malta.
Madankollu żewġ gowls skurjat minn Gregus u Nemec taw it-tliet punti lis-Slovakki.