Kmieni dalgħodu sar magħruf li mietet Susan Mulvaney fl-eta’ ta’ 71 sena – waħda mill-pijunieri fix-xandir.
Susan għal numru twil ta’ snin kienet magħrufa għall-programmi edukattivi li kienet tagħmel fuq l-istazzjon nazzjonali u kif ukoll fuq Radju RTK. Fost id-diversi temi li kienet tittratta, insibu suġġetti dwar is-saħħa fiżika u mentali, il-bżonn tal-eżerċizzju, is-sigurta’ fid-dar, u kif ukoll tisjir bnin.
F’April tal-1964 kienet l-ewwel tfajla fit-tieni dħul ta’ apprendisti mal-Union Press f’kors tal-ġurnaliżmu u wara inħatret sub editor tal-ġurnal l-orizzont fejn kellha wkoll ir-responsabbiltà tal-paġna tan-nisa.
Ħadmet ukoll fuq il-Mediterraean News u f’April tal-1976 issejħet biex tieħu f’idejha l-programm tan-nisa ta’ Radju Malta Wieħed fuq bażi part-time. Daħlet full time ma’ Xandir Malta fl-1981 u fl-1991 kienet forst l-ewwel ħaddiema tal-RTK, fejn ipproduċiet programmi ta’ kuljum għall-familja kollha u kienet kontributur regolari għal Il-Ġens illum. Kitbet ukoll għadd ta’ kotba ta’ interess għall-familja, fosthom kotba tar-riċetti u dwar l-etikett jew l-imnġiba soċjali.
Fl-2000 kienet fost dawk nominati għall-Premju Ħaddiem tas-Sena għall-kontribut tagħha lill-Media Centre.
Susan Mulvaney kienet għal xi żmien tbagħti mill-marda tal-kanċer, u sfortunatament tilfet ħajjitha għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu.
Susan Mulvaney kienet mżżewġa lil Charles Sacco u kellhom żewġ ulied, Marika u Daniela.
Fi Stqarrija l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tax-xandara Susan Mulvaney.
Susan Mulvaney hi leħen magħruf mal-poplu Malti u Għawdxi, għall-programmi tar-radju, b’mod partikolari dawk edukattivi, li kienet tagħmel kemm fuq Radju Malta kif ukoll fuq l-RTK.
Il-Partit Nazzjonalista jwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja Sacco f’dan il-mument diffiċli. Anke l-Partit Laburista esprima s-sogħba tiegħu għal din it-telfa.
//= $special ?>