Lokali

Żewġt irġiel jisfaw aggrediti minn raġel ieħor bi flixkun f’Paceville

Matul il-lejl li għadda, żewġt irġiel għal xi raġuni sfaw aggrediti minn raġel ieħor bi flixkun f’Paceville.

Skont l-inevstigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li għall-ħabta tan-nofsiegħa, żewġt irġiel Libjani sofrew xi ġrieħi wara li raġel ieħor mill-Litwanja li għandu 26 sena allegatament aggredixxa liż-żewġt irġiel bi flixkun.

L-aggressjoni seħħet fi Triq San Ġorg, San Ġiljan.

Il-vittmi, li huma t-tnejn Libjani u għandhom 26 u 37 sena u joqgħodu Birżebbuġa u San Pawl il-Baħar, rispettivament, ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza minħabba l-ġrieħi li sofrew.

Iktar tard, ir-raġel ta’ 26 sena ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li r-raġel l-ieħor qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.

L-allegat aggressur ma sofra l-ebda ġrieħi.  Huwa ġie arrestat u għadu qiegħed jinżamm mill-Pulizija għall-iktar stħarriġ.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.