Internazzjonali

Żvelat pjan terroristiku kbir fil-belt ta’ New York

Uffiċjali fl-Istati Uniti żvelaw li kien sfuma fix-xejn pjan għal attakk terroristiku mill-ISIS li kellu jitwettaq fil-belt ta’ New York, fl-2016. Dan meta l-miri potenzjali tat-terroristi involuti kellhom jinkludu Times Square u s-sistema tas-subway.

Ir-rapporti qalu li t-terroristi wara dan il-kumplott kienu qed jaħsbu biex iwettqu straġi fuq l-istess skala tat-terroriżmu storiku tal-11 ta’ Settembru tal-2001, meta l-moviment al-Qaeda ħataf  u uża l-ajruplani tal-passiġġieri għal attakki diretti fuq New York u Washington li ħallew mat-3,000 mejtin.

Intant, jidher li aġent tal-FBI li kien qed jaħdem taħt identità falza kien strumentali fl-impenn li xejjen dan il-kumplott. Dan meta raġel fl-Istati Uniti u żewġ irġiel oħra – wieħed fil-Pakistan u l-ieħor fil-Filippini – qed jinżammu taħt arrest waqt li jiffaċċjaw akkużi li kienu qed jippjanaw attakki kbar potenzjali ‘f’isem l-ISIS’.

It-tlieta taħt akkuża huma Abdulrahman El Bahnasawy, ċittadin Kanadiż miżum fi New York; Talha Haroon, ċittadin Amerikan ibbażat fil-Pakistan u l-Filippin, Russell Salic.

L-arresti tat-tlieta saru xhur ilu u magħruf li Haroon u Salic għandhom ikunu estraditi lejn l-Istati Uniti. Huma, allegatament, kienu użaw chat apps biex jippjanaw attakki li kellhom isiru s-sena l-oħra – bid-dettalji tal-kumplott ikunu żvelati issa mill-prosekuturi. L-aġent tal-FBI li evita straġi kbira kien qed jaħdem undercover fejn qaxxar il-parti ta’ sostenitur tal-ISIS waqt li kien qed jikkomunika mat-tliet suspettati.

Stqarrija mid-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan, issa, qalet li ‘l-attakki pjanati kellhom jinkludu splużjonijiet ta’ bombi f’Times Square u fis-subway ta’ New York, fost l-isparaturi fuq ċivili f’siti speċifiċi fejn ikunu għaddejjin il-kunċerti’.

Sar magħruf ukoll li El Bahnasawy, Haroon u Salic kienu qed jittamaw li jwettqu l-attakki qattiela bejn Ġunju u Lulju tal-2016 waqt ir-Ramadan; ix-xahar qaddis għall-Musulmani. Ingħad li l-ispirazzjoni ewlenija għat-tliet suspettati kienu l-attakk kbir terroristiku tal-2015 mill-ISIS fuq is-sala tal-kunċerti tal-Bataclan, f’Pariġi ( fi Franza) u l-isplużjonijiet ta’April tal-2016 fl-ajruport u l-metro ta’ Brussell, fil-Belġju.