Figuri ppubblikati mill-Kunsill għall-Arti jgħidu li hu stmat li mas-70,000 persuna żaru n-Notte Bianca – Lejl Imdawwal – li sar fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd. Kull min żar l-ikbar festival Malti, mifrux minn fuq s’isfel tal-belt kapitali Maltija, kien espost għal madwar 90 attività varjata mill-oqsma kollha tal-arti fl-isfond tal-wirt arkitettoniku Belti.
Id-Direttur Artistiku Sean Buhagiar spjega kif Notte Bianca ta’ din is-sena kompliet tibni fuq dawk ta’ qabilha fejn tidħol kwalità. “Kienet l-hena tagħna naraw dak it-tbissim kollu fil-Belt Valletta. Kemm l-artisti u kemm l-udjenzi kellhom esperjenza mill-isbaħ din is-sena. Ħdimna ħafna u għal dan nirringrazzja lit-tim kbir li ħadem minn qalbu sabiex ikollna suċċess dejjem akbar. Din kienet sena fejn għamilna kutrumbajsa fil-kwalità ta’ Notte Bianca – li jibqa’ festival maħbub ħafna mill-Maltin. Grazzi mill-qalb!” żied jgħid is-Sur Buhagiar.
Din is-sena Notte Bianca kellha żewġ kollaborazzjonijiet importanti – il-workshop ta’ La Fura dels Baus, fejn il-grupp teatrali Spanjol ħadem ma’ artisti minn Malta biex tellgħu spettaklu interattiv li kien jinkludi l-użu ta’ app; kif ukoll NOTTE BLANK, li rriżultat f’għadd ta’ wirjiet mużikali u viżivi f’Forti Sant’Iermu. Il-festival, bħas-sena li għaddiet għamel enfasi biex jittella’ xogħol ta’ media diġitali b’waħda li se tibqa’ tissemma’ tkun Ajru, l-installazzjoni interattiva magħmula minn bosta oġġetti quddiem il-Biblijoteka Nazzjonali, li flimkien jagħtu l-impressjoni li huma qatgħa għasafar.
Mużikalment Notte Bianca kienet eċċezzjonali wkoll. Grazzi għaliha l-pubbliku Malti kellu ċ-ċans jerġa’ jisma’ lill-kantawtriċi Claire Tonna tkanta l-kanzunetti ta’ Leonard Cohen wara nuqqas mix-xena mużikali lokali għal dawn l-aħħar sentejn kif ukoll lill-pjanista Gabi Sultana ddoqq xogħlijiet ta’ Philip Glass, li bħalissa tinsab ibbażata fil-Belġju ddoqq ma’ SPECTRA Ensemble.
Għal min hu ammiratur tal-kantant Mellieħi Sammy Bartolo, seta’ jgawdi mill-verżjoni jazz tal-kanzunetti tiegħu, fuq Victoria Gate permezz ta’ Sur Jazz. Dan il-kunċert ingħata minn Dominic Galea, li flimkien mal-grupp tiegħu, ingħaqad mal-kantanta Nadine Axisa u Clark Tracey, li dis-sena kien premjat il-UK Jazz drummer 2017.