Futbol Sport

Andrea Pirlo jiddeċiedi l-futur tiegħu

Il-midfielder veteran Taljan Andrea Pirlo ħabbar li għandu l-ħsieb li jirtira fi tmiem l-istaġun Amerikan wara li jispiċċalu l-kuntratt ma’ New York City f’Diċembru li ġej. Ir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja fl-2006, ilu għal dawn l-aħħar tliet snin ma’ New York City, iżda f’dan l-istaġun lagħab biss 15-il logħba mit-32 li lagħab it-tim.

Mistoqsi mill-gazzetta Taljan Gazzetta Dello Sport x’inhuma l-pjanijiet wara li jispiċċalu l-kuntratt fl-aħħar tas-sena, Pirlo qal li wieħed jirrealizza li ż-żmien tiegħu jkun wasal. “Kuljum ikollok problemi fiżiċi, ma tistax titħarreġ kif tixtieq għaliex dejjem ikollok xi ħaġa. Fl-età tiegħi, hu biżżejjed. Mhix xi ħaġa li tista’ tibqa’ għaddej sa 50 sena. Issa nagħmel xi ħaġa oħra,” qal Pirlo.

Minbarra t-Tazza tad-Dinja, il-plejer ta’ 38 sena, rebaħ fost l-oħrajn sitt kampjonati tas-Serie A u darbtejn iċ-Champions League f’karriera brillanti li fosthom lagħab ma’ Inter, Milan u Juventus.