“L-Istatistika, in-numri u data, kif isarrfu għal dak li jmur jixtri l-bżonnijiet tiegħu, kif isarrfu għall-istudenti tagħna, għal min qed jipprova jitla’ fuq is-sellum tal-propjeta’ u jkollu saqaf fuq rasu. Dawn iċ-ċifri, li jidhru sbieħ, warajhom x’hemm?” Sostna dan il-Kap tal-PN Adrian Delia waqt intervista fuq Radio 101, lejliet il-Baġit.
“Ilna issa għal dawn l-aħħar xhur nisimgħu kemm l-ekonomija sejra tajba u li hemm surplus. Imma l-ħafna nies li ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar, li mhux qed ilaħħqu mal-kera, dawn qed jistaqsu; ‘is-surplus x’inhu? Fejn qed imur?”
Il-Kap tal-PN staqsa liema setturi ekonomiċi ġodda qed joħloq il-Gvern u x’tip ta’ Malta se jkollna fi żmien għaxra, għoxrin sena oħra.
L-iskrutinju tal-ħatriet pubbliċi – “Jekk irridu nagħmlu liġi serja, irridu ntuha s-snien”
Filwaqt li qal li l-Oppożizzjoni fil-prinċipju taqbel li jkun hemm skrutinju għal min qed ikun nominat għal ħatriet pubbliċi, Adrian Delia qal li l-iskrutinju irid ikun serju fejn il-persuna tiffaċċja u twieġeb mistoqsijiet dirett mill-persuni kompetenti. “Jekk verament iridu nagħmlu liġi biex inħarsu n-nies tagħna, irridu li dik il-liġi intuha s-snien biex tiġi esegwita b’mod tajjeb.”
Il-Kap tal-PN kompla li għalhekk li l-Oppożizzjoni qed tressaq emenda għal din il-liġi sabiex l-iskrutinju isir b’mod dirett bi skrutinju wiċċ imb’wiċċ u jwieġeb domandi diretti.
Dwar l-Avviż Legali u l-mozzjoni tal-PN li dwarha Muscat ħoloq kontroversja, Adrian Delia qal li minflok ipprova jiddiskuti l-materja prinċipali ta’ dan is-suġġett, il-Gvern ipprova jgħaddi mit-tieqa biex imbagħad iħejji t-triq ta’ dak li jrid eventwalment jagħmel.
“Aħna diġa għedna li fis-snin li ġejjin, il-Parlament se jitratta liġijiet li jinkludu elementi ta’ morali, valuri u etika u diġa’ għedni li bħala Oppożizzjoni se nkunu sodi fid-difiża ta’ dawn il-valuri.”
L-Avviż Legali jgħid li l-Gvern se jagħti 100 siegħa leave għal min imur għal trattament tal-fertilita’ barra mill-pajjiż. “Aħna m’aħniex kontra dawn it-trattament u lanqas biss dħalna fl-argument dwar min se jibbenefika minn dan it-trattament. Iżda l-liġi kif inhi miktuba tmur kontra l-liġijiet li għandna fil-pajjiż,” qal Adrian Delia, “kieku ma għamilniex din l-emenda, kien ikollna Gvern li qed jgħin u jassisti lil xi ħadd biex barra minn Malta jagħmel xi ħaġa li tkun illegali kieku issir f’Malta.”
L-emenda mressqa mill-Partit Nazzjonalista hi ntiża sabiex tkun rispettata l-liġi kemm f’Malta u biex il-Gvern ma jkunx kompliċi illi tinkiser il-liġi barra minn Malta.
Wara l-ħatra bħala Kap tal-Oppożizzjoni: “tikber l-importanza li nkunu qrib in-nies u nkunu l-vuċi tagħhom”
Mistoqsi dwar il-ġurament tal-ħatra tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni il-Ġimgħa filgħaxija, Adrian Delia qal li l-obbligi tal-Kap tal-Oppożizzjoni huma li jkun il-vuċi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, irrispettivament jekk iħossux rappreżentat mill-Gvern tal-ġurnata jew le. “Dan il-leħen għandu jkun wieħed b’saħħtu u sod, leħen jikkonvinċi u li jtejjeb il-ħajjiet tan-nies kuljum, anki mill-Oppożizzjoni.”
“Għax jekk nagħmlu hekk, kapaċi nirbħu l-fiduċja tan-nies mill-Oppożizzjoni, aħseb u ara mill-Gvern x’inkunu kapaċi nagħmlu,” tenna Adrian Delia.
It-tmexxija tal-PN tkun f’postha sal-aħħar ta’ Novembru
Mistoqsi dwar l-elezzjonijiet għall-Viċi Kapijiet u l-karigi l-oħra ta’ tmexxija fil-Partit, il-Kap tal-PN irringrazzja lill-amministrazzjoni tal-Partit hekk kif il-proċess tmexxa ‘l quddiem sabiex l-elezzjonijiet kollha se jkunu lesti sal-aħħar ta’ Novembru.
Hu faħħar il-Kummissjoni Elettorali preċedenti li mexxiet l-elezzjoni għall-Kap “b’mod professjonali” u rriżenjat qabel sar magħruf ir-riżultat kif ukoll lill-kummissjoni attwali.
Adrian Delia qal li bħalissa qed isir il-handover, f’dik li kienet “esperjenza ġdida” b’elezzjoni interna li kienet tinvolvi eluf ta’ tesserati.
“Iżda lil hinn min-numri, din l-elezzjoni kienet importantissima għaliex wessajna u tajna iktar saħħa lill-membri tagħna jagħżlu min se jkun qed imexxi l-Partit u Kap tal-Oppożizzjoni.”
Il-Kap tal-PN għalaq l-intervista b’appell għall-għaqda:
“Ma ninsewx li dawn huma elezzjonijiet interni fi ħdan Partit wieħed. It-talba li għamilt kemm qabel kif ukoll wara l-elezzjoni lill-partitarji hi li filwaqt li jagħtu l-appoġġ u jaħdmu favur il-kandidat preferut tagħhom, nibqgħu nżommu f’moħħna li aħna familja waħda. Hawnhekk hawn Partit wieħed u ikbar mill-Partit m’hemm ħadd.”
//= $special ?>