“Fis-sema għandna anġlu. Anġlu li bi tbissima, baqa’ sal-aħħar iwassal messaġġ ta’ tama u kuraġġ”. Kien b’dan il-mod li Jerome Frendo kien deskritt, quddiem mijiet ta’ persuni li ħonqu l-Knisja tad-Dumnikani r-Rabat biex jingħata l-aħħar tislima.
Jerome, wiċċ familjari ma’ ħafna minħabba l-involviment tiegħu f’Puttinu Cares, miet il-Ġimgħa wara snin jiġġieled il-marda tal-kanċer.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjet Jerome tmexxiet mill-Arċisqof tal-Albanija Ġorġ Frendo, ziju ta’ missier Jerome. Monsinjur Frendo ġie mill-Albanija apposta biex iqaddes il-quddiesa ta’ Jerome. Hu kien akkumpanjat mill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.
Fil-Knisja, kienu ftit dawk li libsu l-iswed, u dan għaliex kienu ħafna li rrispetaw ix-xewqa ta’ Jerome, li fil-funeral tiegħu, ma jintlibisx l-iswed.
“Illum mhux qegħdin hawn biex nibku, imma biex niċċelebraw lil Jerome, li sal-aħħar baqa’ jikkomunika t-tbissima tiegħu”, qal Monsinjur Frendo fl-omelija tiegħu, waqt li faħħar id-determinazzjoni u l-kuraġġ li Jerome baqa’ juri sal-aħħar.
Għall-aħħar tislima ta’ Jerome attendew ħafna nies, minn qraba, ħbieb u membri oħra tal-pubbliku li anke huma ħassew li isellmu lil Jerome għall-aħħar darba. Fost dawn, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, akkumpanjata mir-raġel tagħha s-Sur Edgar Preca, kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia akkumpanjat minn numru ta’ Deputati tal-Partit Nazzjonalista.
Fost dawk preżenti wkoll kien hemm Martina Fenech, l-għarusa ta’ Jerome, li f’post fuq Facebook ftit wara li ntemm il-funeral, kitbet: “Postok f’qalbna ma jieħdu ħadd. Nhar il-Ġimgħa, qabel ma ħallejtna, għidtilna dawn il-preċiżi kelmiet: “Inħobbkom kollha, ibqgħu ftakruni kif tafuni”. Jerome, int ma tliftx il-battalja tal-kanċer. Int irbaħt… irbaħt il-ħajja ta’ dejjem,” kitbidlu Martina.
“Grazzi talli għallimtna billi nispiraw it-tama u l-ferħ anke meta nħossu d-dwejjaq u d-disprament. Grazzi talli urejtna kif ngħixu. Issa fis-sema għandna anġlu,” temm jgħid l-Arċisqof Frendo fit-tislima tiegħu lil Jerome, li żgur li se jibqa’ ħaj fil-qlub ta’ dawk kollha li xi darba qatt messew ma’ Jerome.
//= $special ?>Titħabbar il-mewt ta’ Jerome Frendo; il-Funeral se jsir nhar il-Ħadd