F’Lulju ta’ disa’ snin ilu seħħet traġedja li xxukkjat lil Malta kollha, it-traġedja tas-Simshar. Dakinhar mietu tliet sajjieda u tifel ta’ 10 snin. Fost il-mejta kien hemm Karmnu Bugeja, missier Simon, l-unika persuna li salvat minn din it-traġedja. It-tim ta’ ‘Fejn Għexna’ ltaqa’ ma’ Amante, ħu Karmnu, u rrakonta kif disgħa snin ilu ħareġ bid-dagħjsa tiegħu stess sabiex imur ifittex lil ħuħ u l-bqija. Hu jirrakonta kif kien hu stess li sab lil ħuħ mejjet f’wiċċ il-baħar… xi ħaġa li ma jista’ jneħħi qatt minn quddiem għajnejh.

Mal-mikrofonu ta’ ‘Fejn Għexna’ tkellem ukoll Ġorġ tal-Maksar li jiftakar it-Tieni Gwerra Dinjija. Ġorġ jirrakonta kif meta kienet iddoqq is-sirena f’Marsaxlokk kulħadd kien jitlaq jiġri lejn ix-xelters sabiex jistkennu mill-bombi. Jiftakar ukoll kemm dak iż-żmien kienu jbatu mill-ġuħ. Filfatt, hu jgħid li kien imur jittallab għal biċċa ħobż mingħand is-suldati. Jgħid li kien żmien diffiċli ferm.

Apparti minn hekk, waqt Fejn Għexna tal-lejla se niltaqgħu wkoll ma’ Femia, l-unika sajjieda mara f’Marsaxlokk li ħajjitha ddur mas-sajd. Femia tispjega kemm ix-xogħol tas-sajd hu wieħed iebes u riskjuż iżda tgħid ukoll li ma timaġinaha tagħmel xejn għajr dan l-istess xogħol.

Minbarra Amante, Ġorġ u Femia waqt l-ewwel programm ta’ Fejn Għexna tal-lejla se niltagqħu ma’ ħafna xlukkajri li lkoll għandhom rakkont x’jgħidulna kemm dwar il-ħajja tagħhom personali u anki dwar il-lokalitá ta’ Marsaxlokk.
Fejn Għexna se jixxandar illejla għall-ħabta tas-6.05pm wara l-aħbarijiet tas-6pm. Il-programm tal-llum se jitkellem dwar Marsaxlokk. Il-bqija tal-programmi se jitkellmu dwar lokalitajiet differenti madwar Malta u Għawdex.
//= $special ?>