Il-gazzetta il-mument tirrapporta
Minn stħarriġ li għamel il-mument fl-aħħar jiem dwar il-qagħda fl-Isptar Monte Carmeli jirriżulta li hemm dekadenza qawwija fis-swali tal-pazjenti, fil-faċilitajiet offruti f’ċerti swali u qed jirrenja wkoll nuqqas ta’ osservazzjoni fil-mod kif suppost jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri hekk stipulati fil-Liġi tas-Saħħa Mentali.
Sitwazzjoni redikola iżda li seħħet tassew matul din il-ġimgħa kienet meta l-ilmijiet bdew iqattru minn soqfa fl-istess sptar kaġun tax-xita li għamlet fuq il-gżejjer Maltin.
Madankollu, aktar preokkupanti minn hekk hi sitwazzjoni fejn pazjenti fl-Isptar Monte Carmeli – preċiżament pazjenti fis-Sala 8B – kienu qed jispiċċaw jitraqqdu fuq saqqijiet impoġġija fl-art minħabba nuqqas ta’ sodod. Dan l-aħħar din is-sitwazzjoni kienet parzjalment irranġata għaliex inġiebu numru ta’ sodod mill-Isptar Mater Dei iżda għadd ta’ pazjenti xorta waħda spiċċaw bis-sodda tagħhom fil-kuritur tas-Sala 8B minħabba li kmamar aktar għall-kura ma hemmx.
Minn investigazzjonijiet li għamlet il-mument fil-jiem li għaddew jirriżulta li fir-rigward tad-dekadenza fis-swali tal-pazjenti hemm sitwazzjoni, fost l-oħrajn, fejn saħansitra l-pazjenti mhux qed ikollhom aċċess għall-bitħa li hi fil-fatt parti mill-istess swali biex il-pazjenti stess ikunu jistgħu joħorġu fiha u jirrikreaw lilhom infushom.
Dan qed iwassal biex numru ta’ pazjenti jkollhom jeżerċitaw il-vizzju tat-tipjip fl-istess swali fejn jinsabu u dan b’detriment ta’ min ma jpejjipx, inkluż mhux biss il-pazjenti l-oħrajn, iżda wkoll l-istaff mediku.
Dawk fl-ogħla karigi f’Monte Carmeli mhux qed jirrapportaw għax-xogħol
Nifhmu li fil-mument l-Isptar Monte Carmeli miexi waħdu bħal bastiment fil-maltemp iżda mingħajr direzzjoni. L-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni u l-Uffiċjal Eżekuttiv responsabbli mill-Operat tal-Isptar bħalissa mhux qed jidhru għax-xogħol. Fir-rigward tal-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni qed jingħad li dan irriżenja mill-kariga tiegħu, filwaqt li fir-rigward tal-Uffiċjal Eżekuttiv responsabbli mill-Operat tal-Isptar qed jingħad li dan ħareġ fit-tul minħabba mard.
Pazjenti vittmi tal-burokrazija
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument temmew li l-pazjenti fl-Isptar Monte Carmeli qed jiżżeffnu fin-nofs bejn il-Kummissarju Responsabbli mill-Kura tal-Mard Mentali u l-Ministeru tas-Saħħa. Fir-rigward tal-pazjenti bi problemi ta’ droga mbagħad is-sitwazzjoni tkompli ssir kumplikata aktar għaliex jidħol fin-nofs ukoll il-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali u allura l-kobba tkompli titħabbel.
Sors minnhom xabbah lil dawn il-pazjenti qishom bħal ballun tal-futbol jitqassam minn entità għal oħra għaliex ħadd mill-ministeri ma għandu ownership ta’ dawn il-pazjenti jew inkella donnu ħadd mill-ministeri konċernati ma jrid jieħu l-ownership ta’ dawn il-pazjenti vulnerabbli.
Aktar dettalji dwar din l-istorja fil-ħarġa tal-lum ta’ il-mument.
//= $special ?>