Lokali

“Irrid Partit ta’ azzjoni u li jissalvagwarda l-interessi veri tal-ħafna” – Adrian Delia

Il-Kap tal-PN Adrian Delia intervistat mill-ġurnalist Joe Mikallef
“Se nkunu qed naħdmu biex permezz tal-politika tagħna, li se tkun qed tiġi minn isfel għal fuq, se nsemmgħu leħinna bil-qawwa biex nissalvagwardaw l-interessi veru tal-ħafna u mhux tal-ftit li qed igawdu mis-surplus li qed jiftaħar bih il-Gvern"

“Il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni se jaħdem biex ikun mezz ta’ azzjoni u inizjattiva u biex tassew ikun għassies tan-nies u ma jibqax jittollera t-transfers vendikattivi, l-inġustizzji fuq natura ta’ kulur politiku u l-faqar madwarna għaliex il-pagi ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Kap tal-PN Adrian Delia f’intervista li qiegħda tkun pubblikata f’suppliment speċjali li qed ikun ippubblikat mal-ħarġa tal-lum ta’ il-mument fl-okkażjoni speċjali tal-ħatra tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Adrian Delia stqarr li filwaqt l-Oppożizzjoni se tkun konstruttiva, iddikjara, “se nkunu qed naħdmu biex permezz tal-politika tagħna, li se tkun qed tiġi minn isfel għal fuq, se nsemmgħu leħinna bil-qawwa biex nissalvagwardaw l-interessi veru tal-ħafna u mhux tal-ftit li qed igawdu mis-surplus li qed jiftaħar bih il-Gvern.”

Il-Kap tal-PN żied li l-Oppożizzjoni se tkun qed iżżomm quddiem għajnejha dak li qed jgħidu n-nies anki meta jkunu qed jitfasslu l-liġijiet. “Meta l-Gvern se jkun qed iressaq il-liġijiet bi klawsoli li ma jkunux fl-interess tan-nies, allura l-PN se jkun viġilanti u jsemma’ leħen in-nies.”

Hu żied li din se tkun ukoll l-attitudni li l-PN se jieħu għall-Baġit li ġej li se jitressaq għada. “Aħna rridu nħarsu lejn il-Baġit bħala eżerċizzju wiesgħa li suppost jisfrutta l-opportunitajiet favur in-nies.” Il-Kap tal-PN ikkritika lill-Gvern li mhux qed iqassam it-tkabbir ekonomiku b’mod ekwu u li mhux qed jaħseb biżżejjed fit-tul.

Adrian Delia saħaq li “ma jistax ikun li l-Oppożizzjoni tressaq il-proposti tagħha, imbagħad tħalli lill-Gvern jgħaddi minn fuq kulħadd mingħajr ma jikkalkula lil ħadd. Dan l-atteġġjament tal-Gvern, sempliċement għaliex għandu maġġoranza wiesgħa, hu turija ta’ arroganza. Din l-arroganza tal-Gvern trid tieqaf.”

Hu żied li “meta titkellem l-Oppożizzjoni, il-Gvern irid jifhem li tkun qed titkellem Oppożizzjoni li għandha 135,000 vot warajha u ħafna aktar. Għaliex fil-pajjiż hawn ħafna nies li għalkemm ivvutaw lill-Partit Laburista llum ma humiex kuntenti bil-mod kif il-Partit Laburista fil-Gvern qiegħed jimxi. Irridu nkunu Oppożizzjoni li nikkonvinċu lin-nies u dawk li ma humiex komdi kif inhu miexi l-Gvern, fejn il-ftit jibbenefikaw u l-ħafna jbatu u ma jgawdu xejn, allura jaraw fil-PN il-Partit li jistgħu jassoċjaw lilhom infushom miegħu.”

Mill-bidu tas-sena l-ġdida tibda ħidma biex tintrebaħ l-elezzjoni

Adrian Delia qal li kull ġurnata li tgħaddi hi ferm importanti għall-PN “biex nibdew mexjin ’il quddiem. Il-proċess għall-karigi fit-Tmexxija tal-Partit se jingħalaq qabel tmiem is-sena u din is-sitwazzjoni se tagħtina l-opportunità li mill-bidu tas-sena d-dieħla nibdew naħdmu b’mod qawwi biex nirbħu l-elezzjoni ġenerali ta’ erba’ snin u nofs oħra.”

Hu rringrazzja lill-Grupp Parlamentari għall-għajnuna li qed jingħata mill-membri biex ikun jista’ jambjenta ruħu max-xogħol tal-Parlament u qal li hu japprezza ħafna kull appoġġ li qed jingħata f’dawn l-ewwel ġimgħat tiegħu biex hekk ikun jista’ jmexxi Partit magħqud li l-uniku tragward tiegħu jkun dak li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.