Formula 1 Sport

Lewis Hamilton joqrob lejn ir-rebħ tar-raba’ kampjonat

Lewis Hamitlon kiseb rebħa oħra din id-darba fil-Ġappun (Ritratt: EPA)

Lewis Hamilton kompla jersaq viċin lejn ir-rebħ tar-raba’ kampjonat personali, wara li rebaħ il-Grand Prix tal-Ġappun biex issa jinsab 59 punt fuq l-eqreb rivali tiegħu Sebastian Vettel. Il-Ġermaniż tal-Ferrari kellu tellieqa sfortunata hekk kif kellu jirtira wara ftit dawriet minħabba nuqqas ta’ saħħa fil-karozza.

Il-Britanniku rnexxielu jirbaħ wara li ddefenda tajjeb l-isfida ta’ Max Verstappen tar-Red Bull li spiċċa t-tieni, b’sieħbu Daniel Ricciardo jtemm fit-tielet post wara li rnexxielu jżomm l-aħħar post fuq il-podju minkejja pressjoni finali ta’ Valtteri Bottas li spiċċa r-raba. Kimi Raikkonen tal-Ferrari temm il-ħames.

L-istaġun tajjeb tal-Force India kompla hekk kif Esteban Ocon u Sergio Perez spiċċaw fis-sitt u s-seba’ post rispettivament, segwiti minn Kevin Magnussen, Romain Grosjean u Felipe Massa.

Fil-klassifika tas-sewwieqa, Lewis Hamilton jinsab b’306 punt, Sebastian Vettel għandu 247 punt u Valtteri Bottas jinsab b’234 punt. Daniel Ricciardo kompla jsaħħaħ ir-raba’ post b’192 punt.