Lokali

Tingħata żewġ direct orders minn awtoritajiet li kienu taħt id-dekasteru tagħha

L-eks Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ingħatat xejn inqas minn żewġ direct orders għal servizzi legali ma’ awtoritajiet pubbliċi.

Wara li fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet ma ġietx eletta, sar magħruf li eżatt wara, Deborah Schembri ingħatat direct order biex tipprovdi servizzi legali lill-Awtorita’ dwar l-Artijiet. Aġenzija mwaqqfa mill-Gvern ftit xhur qabel u li kienet taqa’ taħt id-dekasteru tagħha.

Issa, il-gazzetta The Sunday Times of Malta żvelat li Deborah Schembri ingħatat direct order ieħor, din id-darba biex tipprovdi servizzi legali lill-Awtorita’ tal-Ippjanar, li wkoll kienet taqa’ taħt id-dekasteru tagħha meta kienet Segretarju Parlamentari.

Kelliem għall-Awtorita’ tal-Ippjanar ikkonferma li Schembri ingħatat kuntratt ta’ €42,000 fis-sena sabiex tipprovdi servizzi legali lill-Kunsill Eżekuttiv. Mhux magħruf jekk is-servizzi ta’ Deborah Schembri hux se jiżdiedu mas-servizzi li d-ditta legali tad-Deputat Laburista Robert Abela li wkoll għandha kuntratt mal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Deborah Schembri intgħażlet mill-Bord tal-Awtorita tal-Artijiet, immexxi mill-eks Imħallef Lino Farrugia Sacco. Il-Bord innifsu kien maħtur minn Deborah Schembri stess meta kienet Segretarju Parlamentari.

Minbarra dawn iż-żewġ karigi, Deborah Schembri inħatret ukoll fuq il-Bord ta’ Malta Enterprise mill-Ministru Chris Cardona.