Żewġ uffiċjali ewlenin ta’ Vitals Global Healthcare, il-kumpanija li ngħatat kuntratt ta’ miljuni ta’ ewro biex tmexxi tliet sptarijiet, telqu ħabta u sabta.
Il-gazzetta The Sunday Times of Malta tirrapporta li kemm il-Kap Eżekuttiv Armin Ernst u l-Kap tal-Operazzjonijiet Eric Buehrens irriżenjaw mill-karigi rispettivi u ħallew Malta.
Kelliema għal VGH ikkonfermat dawn ir-riżenji u qalet li fil-każ ta’ Ernst, dan kellu xi problemi ta’ natura personali u ddeċieda li jmur lura fl-Istati Uniti filwaqt li fil-każ ta’ Buehrens, dan kien kuntratt qasir ta’ ftit xhur. Iżda sorsi qrib VGH qalu li ż-żewġ uffiċjali kienu ilhom ma jidhru għal xi ġimgħat u qabdu ippakkjaw u telqu.
Il-kontroll issa rega ġie f’idejn Ram Tumuluri, Kanadiż imwieled fil-Pakistan li ffirma l-kuntratti għan-nom tal-azzjonisti bbażati f’Singapore.
Il-Kelliema ta’ Vitals ċaħdet li t-tluq ta’ dawn iż-żewġ uffiċjali għolja tista’ tkun marbuta ma’ diffikultajiet finanzjarji.
Sadanittant, nies li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u Karin Grech, li t-tmexxija tagħhom għaddiet għand il-VGH, irrapportaw li ftit li xejn saru tibdiliet, filwaqt li xogħol infrastrutturali hu wieħed negliġibbli.
Vitals Global Healthcare, li m’għandha ebda esperjenza ta’ tmexxija ta’ sptarijiet, ingħatat kuntratt li permezz tiegħu, il-Gvern iħallas €70 miljun fis-sena lil din il-kumpanija u jkun jista’ jikri 700 sodda fi tliet sptarijiet tal-Istat.
Fi tmiem il-kuntratt ta’ 30 sena, it-taxpayer Malti se jkun ħallas iktar minn żewġ biljun ewro. Dan minbarra spejjeż addizzjonali għal prodotti farmaċewtiċi u operazzjoni, €30 miljun ewro għal servizz ta’ helikopter bejn Għawdex u l-Isptar Mater Dei u €36 miljun biex jibni skola medika f’Għawdex.
Il-kuntratt kien negozjat minn Konrad Mizzi meta kien Ministru tas-Saħħa.
//= $special ?>