Minkejja li f’diversi stħarriġ tal-opinjoni pubblika kienu jindikaw l-infrastruttura u t-traffiku bħala fost l-iktar problemi urġenti li għandu jindirizza l-Gvern, il-Budget li tħabbar it-Tnejn filgħaxija ma jippreżenta ebda pjan li jipprova jattakka il-problema tat-traffiku.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna semma bħala soluzzjoni it-twaqqif ta’ Aġenzija biex tieħu ħsieb l-infrastruttura tat-toroq u manutenzjoni u tamministra l-programm ta’ bini u manutenzjoni tat-toroq. Sadanittant, għaddejjin 25 proġett ta’ twessiegħ ta’ toroq u roundabouts fejn jinġemgħa t-traffiku. L-Aġenzija se tkun iffukata fuq l-oġġettiv li titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku. Bħalissa l-Gvern għaddej fl-ippjanar tal-qafas tal-aġenzija.
Dwar it-Trasport Pubbliku, il-Gvern se jagħti tal-linja Card b’xejn liż-żagħżagħ bejn is-16 u l-20 sena sabiex dawn jagħmlu għażla biex jużaw is-servizz tal-linja minflok il-karozza privata f’eta’ li se jkunu waslu biex jagħmlu l-għażla tal-mezz tat-trasport tagħhom.
Il-Gvern jidher li se jieħu s-suġġeriment li kien għamel għal diversi budgets il-Partit Nazzjonalista biex jestendi it-trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel indipendenti u tal-Knisja. Madanakollu, id-diskors isemmi biss li l-Ministeru tal-Edukazzjoni se jidħol fi studju u diskussjonijiet.
Miżura oħra hi li għotja għal xiri ta’ roti, u roti elettriċi sa massimu ta’ €400. Din l-iskema, li kienet diġa’ eżistenti, se tiġi estiża għal xiri ta’ muturi u scooters. Ħabbar ukoll li ġew identifikati żewġ kuriduri urbani – mill-Belt Valletta sa San Ġiljan u mill-Mosta sal-Universita’ ta’ Malta – , li se jintroduċu l-kunċett ta’ “share the road” biex jiffaċilitaw is-sigurta’ fl-użu ta’ rota u l-mixi.
Il-Gvern se jkompli bl-iskemi ta’ għoti għal xiri ta’ vetturi elettriċi u hybrid, kif ukoll għotjiet għal min jaqleb il-vettura tiegħu biex taħdem bil-gass.
//= $special ?>