Budget 2018 Lokali

BUDGET 2018: Liem huma l-punti ewlenin li joħorġu mid-diskors tal-budget?

Agħfas ‘refresh’ jew il-buttuni CTRL+F5 biex taġġorna l-paġna.

Id-diskors tal-budget beda jinqara mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Segwi din il-paġna għall-aktar punti ewlenin li joħorġu mid-diskors tal-budget

Bini ta’ skejjel ġodda – repetizzjoni tad-diskors ta’ sena ilu

Dwar il-qasam tal-edukazzjoni, u partikolarment dwar il-bini ta’ skejjel ġodda, il-Gvern irrepeta d-diskors li għamel sena ilu. Filwaqt li din is-sena ntqal li se jinbnew skejjel il-Qawra u Wied il-Għajn, is-sena li għaddiet kien qal li se jibni skejjel f’Buġibba u Marsaskala.

Punti oħra mid-diskors tal-budget sa issa

– Il-Gvern se jżomm l-iskema ta’ bejgħ taċ-ċitaddinanza.
– Flok proġett konkret, il-Gvern jgħid li se jfassal masterplan għal tisbiħ fix-Xlendi u Marsalforn.
– Il-Gvern jgħid li se jnaqqas il-burokrazija.
– Il-Gvern jgħid li se jkompli r-riforma fil-Qrati
– Il-Gvern jgħid li se jkompli r-riforma fil-LESA
– Dwar it-tisħiħ fis-sigurta’ tal-pajjiż, il-Gvern qal li se jinxtraw aktar vetturi tat-tifi tan-nar għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili apposta għal high rise buildings.

Air Malta – sentenza waħda f’diskors ta’ 80 paġna

F’diskors ta’ aktar minn 80 paġna, l-Air Malta tissemma darba biss, bil-Gvern jgħid hekk: “Il-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta tibqa’ pilastru ewlieni importanti għall-ekonomija Maltija.”

Punti oħra li ħarġu sa issa mid-diskors tal-budget

– Referenza għas-settur tal-gaming, bil-Gvern jgħid li se jiddaħħal qafas regolatorju ġdid.
– Identifikazzjoni mill-MTA ta’ żoni tradizzjonalment mhux turistiċi biex isiru pjanijiet ta’ riġenerazzjoni għalihom.

Brexit u Blockchain

Dwar il-Brexit, il-Gvern qal biss li se jwaqqaf ‘Working Group’ biex jara kif Malta tista’ tattira investiment mir-Renju Unit.

Dwar il-blockchain tħabbar li se tiġi mnedija web-portal biex isservi bħala komunikazzjoni ma’ dawk interessati fi blockchain u cryptocurrencies.

Ambjent u Enerġija

Dwar l-ambjent, il-Gvern qal li se jwaqqaf aġenzija ‘Ambjent Malta’ biex tindokra u tieħu ħsie il-wirt naturali tal-pajjiż. Qal li l-Gvern se jkompli jiżra’ aktar siġar.

Dwar l-enerġija u l-elettriku, il-Ministru Scicluna rrefera għall-power station tal-gass kif ukoll ħidma biex tkompli l-implimentazzjoni tal-pipeline tal-gass.

Dwar l-ilma, il-Gvern qal li se jinbnew żewġ solar farms ġodda fuq is-soqfa ta’ ġibjuni mhux użati mill-Korporazzjoni tal-Ilma.

Traffiku – il-Gvern jgħid li ħa jistudja proposta tal-PN

Dwar it-traffiku, apparti miżuri li kienu diġa tħabbru, il-Ministru Edward Scicluna ħabbar li se jistudja proposta li oriġinarjament kienet saret mill-PN – jiġifieri li jkun hemm trasport kollettiv b’xejn lejn u mill-iskola għall-iskejjel Indipendenti u tal-Knisja.

Għal dawk li jużaw ir-roti, il-Gvern qal li se jingħata refund fuq il-VAT mħallas meta tinxtara rota, u inċentiv għal min jixtri muturi u scooters. Tħabbar ukoll li se jiġi introdott kunċett ġdid ta’ ‘Share the Road’ maċ-ċiklisti.

Punti oħra mid-diskors tal-budget marbuta mal-propjeta’

Punti oħra mid-diskors tal-budget sa issa huma dawn:

– L-iskema ta’ għajnuna għal min jirrestawra dar f’żona ta’ konservazzjoni urbana se tibqa’ l-istess.
– L-iskema ta’ tnaqqis ta’ taxxa tal-boll fuq bejgħ ta’ propjetajiet f’żoni ta’ konservazzjoni urbana se tibqa’ l-istess.
– Tnaqqis ta’ taxxa tal-boll jekk tixtri propjeta’ f’Għawdex.
– Faċilitajiet ta’ equity release.
– Skema ta’ fidi ta’ ċnus li ma ngħatawx dettalji dwarha.

First-Time Buyers u Second-Time Buyers

L-iskema tal-First-Time Buyers se tinżamm kif kienet qabel, jiġifieri eżenzjoni mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel EUR 150,000 li jintefqu f’xiri ta’ propjeta’ ġdida għall-ewwel darba.

Tħabbret ukoll miżura ta’ tnaqqis ta’ EUR 3,000 fit-taxxa tal-boll dovuta minn Second-Time Buyers. Din se tidħol fis-seħħ permezz ta’ sistema ta’ refund.

Ma taffordjax tixtri post? Il-Gvern se jagħmel ‘white paper’

Jekk ma taffordjax tixtri post, il-Gvern ħabbar fil-budget li se jagħmel ‘white paper’ għax “wasal iż-żmien li jkun hemm diskussjoni serja”.

Ritratt mill-Arkivji

Housing soċjali

Dwar bini ta’ akkomodazzjoni soċjali, xi ħaġa li fl-aħħar snin inħass nuqqas kbir tagħha, il-Gvern ma ħabbar xejn ġdid, iżda fakkar biss f’investiment li ngħata bidu fil-bidu tas-sena, bil-Gvern itemm jgħid li “rridu nkomplu nkabbru l-ħidma tagħna f’dan is-settur”.

Tħabbar li kien hemm 200 applikazzjoni bħala parti mill-iskema ‘Nikru biex Nassistu’. Qal ukoll li l-Gvern se joffri għajnuna finanzjarja ta’ EUR 25,000 għal xogħlijiet li jsiru f’residenzi mitluqa biex dawn l-istess residenzi jiġu offruti bħala units għal skop ta’ housing soċjali, bil-kundizzjoni li dawn il-units jinkrew lill-Gvern għal perjodu ta’ 10 snin.

Ħabbar ukoll li l-Gvern se jaqta’ inqas mill-pensjoni ta’ dawk li jidħlu f’djar tal-anzjani u jirritornaw iċ-ċwievet tal-postijiet tal-Gvern li jkunu krew.

San Vincenz de Paule

Dwar ir-residenza San Vincenz de Paule, tħabbar li se jitkompla proġett mifrux fuq tliet snin fil-Binja Rużar Briffa, rijabilitazzjoni tas-sala fejn jintlaqgħu pazjenti li jbatu bid-dimensja u l-iżvilupp mill-ġdid tal-ispiżerija.

Dwar kura fit-tul għall-anzjani, il-Gvern qal biss li se jkompli jaħdem mal-privat biex itejjeb il-kura fil-komunita’.

Persuni bil-vizzju tad-droga

Tħabar li se jkun hemm żieda fid-Drug Addicts Allowance għal dawk li huma maħkumin mill-vizzju tad-droga, liema żieda se tammont għal bejn EUR 30 u EUR 40 fil-ġimgħa.

Punti oħra mid-diskors tal-budget

Fost il-punti oħra li joħorġu mid-diskors tal-budget hemm dawn:
– Ħruġ ta’ Government Savings Bond għal anzjani li għandhom ‘il fuq minn 62 sena
– Pagament għal dawk li rreġistraw il-vettura ġdida tagħhom fl-2007 (liema pagament ma kienx speċifikat)
– Żieda fl-ammont ta’ valur ta’ servizz mogħti minn ażjendi żgħar u medji li fuqu ma jkunux intaxxati VAT
– Ħidma kontra l-evażjoni fiskali
– Tkomplija tal-iskema ‘Making Work Pay’ immirat biex inaqqas id-dipendenza fuq is-servizzi soċjali
– Estensjoni tal-iskema tal-In-Work Benefit u t-tapering
– Pagament ta’ EUR 200 għall-ħaddiema fil-Community Work Scheme
– Rimbors ta’ spejjeż għal addozzjoni ta’ tfal minn barra l-pajjiż.

Żieda ta’ EUR 2 biss għall-anzjani

Fl-unika miżura li tolqot il-pensjonanti kollha kemm huma, tħabbar li l-pensjonanti se jkunu qed jingħataw żieda ta’ EUR 2 biss fil-ġimgħa, jiġifieri EUR 8 fix-xahar.

Il-Ministru Edward Scicluna ħabbar ukoll xi miżuri oħra li madanakollu huma mmirati speċifikament għal ċertu kategoriji ta’ anzjani, fosthom pensjonanti tas-servizz u anzjani li għandhom ‘il fuq minn 75 sena u li għadhom jgħixu fid-djar tagħhom.

COLA: Żieda għall-għoli tal-ħajja

Nofs minuta wara li Edward Scicluna ftaħar li l-Gvern se jqassam il-ġid, ħabbar li l-COLA, jiġifieri ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, se tibqa’ l-istess bħal ma kienet din is-sena, jiġifieri żieda ta’ EUR 1.75 fil-ġimgħa.

Tabella li turi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja tul is-snin.

Il-finanzi u l-ekonomija

Fl-ewwel parti mid-diskors tal-budget, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna tkellem dwar il-qagħda ekonomika u finanzjarja kif ukoll dwar it-tbassir tal-andament tal-ekonomija u l-finanzi pubbliċi. Il-Ministru qal li l-Gvern se jispiċċa s-sena b’surplus fil-bilanċ fiskali.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tiffirma d-dokumenti marbuta mal-budget

Sadanittant, tista’ ssegwi programm speċjali marbut mal-Budget 2018 fil-link t’hawn taħt.

LIVE: Budget 2018 – Segwi l-programm speċjali live