Budget 2018 Saħħa

Budget 2018: Tliet paġni biss għas-Saħħa u l-Kura Primarja

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji
Il-Gvern Laburista elenka l-proposti tiegħu għas-Saħħa fi 3 paġni biss minn 88 paġna tal-Budget 2018

Is-Saħħa u l-kura primarja – wieħed fost l-aktar oqsma li jolqot direttament il-poplu Malti u li hu vitali għall-pajjiżna – iżda sfortunatament fid-diskors tal-Budget 2018, il-Gvern Laburista ddedika biss tliet paġni.

Fi ftit paġni, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna elenka x’se jkunu l-miri tal-Gvern f’din is-sena li ġejja, u għaldaqstant ftit li xejn offra ideat u proġetti f’dan il-qasam tant bżonnjuż.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru stqarr li se jkompli bil-ftehim bejn il-Gvern u Vitals Global Healthcare u jkompli joffri servizz ta’ saħħa b’xejn lill-Għawdxin kollha. Il-Gvern semma’ li se jkompli bl-impenn tiegħu fl-investiment tal-iskola medika Barts.

Il-Gvern ħabbar li se jibda kampanja ta’ prevenzjoni li jiffukaw fuq l-istil tal-ħajja li ngħixu u li għandu jgħin fit-tnaqqis tal-inċidenza ta’ tipi partikolari ta’ kanċer.

Semma’ li l-Gvern se jinvesti f’żewġ Ċentri tas-Saħħa ġodda, wieħed f’Ħal Kirkop u ieħor f’Raħal Ġdid. Il-Gvern ħabbar ukoll li se jagħmel estensjoni tas-servizz tal-IVF.

Il-Ministru stqarr li f’Mater Dei se jinbena bini ta’ Out Patients Block, u kif ukoll parkeġġ taħt l-art li jservi għall-istaff tal-isptar, għall-pazjenti u għall-viżitaturi.