Budget 2018 Lokali

FILMAT: “Budget li jirrifletti l-andament tal-ekonomija” – FORUM

– Il-FORUM

Il-FORUM qal li b’mod ġenerali dan hu budget pożittiv f’ħafna aspetti li jirrifletti t-titjib ekonomiku li seħħ fil-pajjiż fl-aħħar xhur. Il-FORUM sostna li s-surplus ma kinx xi ħaġa ta’ darba iżda jidher li qed jiżviluppa f’sitazzjoni stabbli li tagħti lil Malta pożizzjoni ekonomika b’saħħitha u potenzjal ta’ titjib u investiment.

Fl-istqarrija dwar il-budget il-FORUM semma ż-żieda fil-leave u qal li l-gvern għandu jabolixxi l-capping fuq il-pensjonijiet u jagħti l-għażla lill-ħaddiema li jridu jħallsu l-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Nazzjonali biex jieħdu pensjoni sħiħa. Aktar inċentivi biex tkun garantita l-pensjoni tat-tielet pilastru jkunu milqugħa.

Il-FORUM appella lill-parlament biex jikkunsidra l-link permanenti ma’ Għawdex minħabba li Għawdex qed ibati minn tnaqqis fil-popolazzjoni minkejja l-inizjattivi kollha li qed jittieħdu.

Dwar l-edukazzjoni u s-saħħa, il-FORUM qal li jeħtieġ li jkun hemm pjan fit-tul biex ikunu attirati l-aħjar professjonisti. Il-gvern għandu jagħmel l-almu tiegħu kollu biex jagħmel il-karrieri fl-edukazzjoni u s-saħħa aktar attraenti. Il-FORUM appella lill-Gvern biex jintroduċi sistemi flessibbli fis-settur pubbliku.