L-aħbar taż-żewġ ħatriet lill-eks Segretarju Parlamentari tal-Gvern Laburista Deborah Schembri bħala konsulenta legali tal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Artijiet – kuntratti ta’ eluf kbar ta’ ewro fis-sena – jikkonfermaw kemm il-Gvern Laburista mhux kapaċi jqassam il-ġid li qed jiproduċi l-pajjiż b’mod ġust.
Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija minn Ryan Callus, il-Kelliem għas-Suq tal-Proprjetà u l-Ippjanar tal-Iżvilupp.
Fl-istqarrija jingħad li l-fatt li dawn l-eluf ta’ ewro qed jingħataw lil Deborah Schembri, sempliċiment għaliex hi viċin ħafna tat-tmexxija tal-Gvern Laburista jweġġa’ lill-kumplament tal-poplu Malti u Għawdxi, u b’mod partikolari lil diversi avukati kwalifikati li jistgħu joffru s-servizzi li għalihom qed titħallas eluf ta’ ewro fis-sena l-eks Segretarju Parlamentari Laburista.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-eluf ta’ ewro f’konsulenza mill-Awtorità tal-Artijiet ingħatat mingħajr ma kien infurmat – wisq anqas ikkonsultat – il-Bord tal-Gvernaturi tal-istess Awtorità.
“Dan jfisser li d-deċiżjoni ttieħdet bil-moħbi ta’ kulħadd, bil-għan li din tibqa’ sigrieta. Dan mhu xejn għajr nepotiżmu gravi li jmur kontra kull idea ta’ meritokrazija li l-Gvern Laburista kien jitkellem dwarha,” jiddikjara l-Partit Nazzjonalista.
Għall-kuntrarju, l-istqarrija tfakakr kif il-familji Maltin u Għawdxin, b’mod partikolari dawk l-anzjani li qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu biċ-ċekk tal-pensjoni, u dawk iż-żgħażagħ li mhux isibu postijiet biex jikru, għandhom kull raġun jirrabjaw għall-fatt li filwaqt li huma m’humiex iħossu s-surplus li jitkellem fuqu l-Gvern, numru żgħir ta’ nies, fosthom Deborah Schembri, qed jaraw surplus kbir fil-bwiet tagħhom.
“Din hi inġustizzja soċjali li l-Gvern li ħoloqha ma jista’ qatt jindirizzaha,” ittemm l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>