Fl-ewwel reazzjoni tagħha ma Net News l-MUT saħqet li għalkemm fil-Budget 2018 hemm tkomplija fil-ħidma tas-snin preċidenti, f’dan l-istess budget hemm nuqqas t’innovazzjoni fil-problemi li tassew jikkonċernaw is-settur edukattiv. Dawn fost l-oħrajn in-nuqqas ta’ għalliema li dan is-settur qed jiffaċċja u kif ukoll nuqqas fil-ħtiġijiet tal-iskejjel.
Fi stqarrija l-MUT saħqet li minflok ma’ jindirizza l-ħtiġijiet tas-settur, isemmi s-sewwa magħruf. L-MUT kienet qed tistenna li jkun hemm miżuri konkreti sabiex tiġi ndirizzata l-kriżi li għandna fil-professjoni fejn edukaturi li qed jitilqu mill-professjoni jingħataw inċentivi sabiex jibqgħu joffru s-servizz fil-qasam. Dan filwaqt li jinħolqu inċentivi għaż-żgħażagħ li jixtiequ jagħzlu l-professjoni. Filwaqt li l-bini ta’ skejjel ġodda hu essenzjali, l-MUT saħqet li qed tistenna li jkun hemm strateġija dwar il-manutenzjoni ta’ numru sostanzjali ta’ skejjel qodma. Dan filwaqt li tinstab sistema aħjar kif il-fondi għall-iskejjel ma jibqgħux jiddependu biss fuq in-numru ta’ studenti.
Il-pjan għal aktar użu ta’ teknoloġija fl-iskejjel kellu jħares ukoll b’mod aktar wiesgħa lejn l-iskejjel tal-knisja u indipendenti li ser jaqgħu lura. Il-proposta għal Bord Nazzjonali tal-Edukazzjoni Obbligatorja hi waħda tajba iżda l-MUT kienet tistenna li din ikollha għan aktar wiesgħa sabiex isservi bħala bord permanenti li jkun jista’ jfassal il-viżjoni u l-istrateġija tal-qasam edukattiv fuq numru ta’ snin. L-MUT laqat it-titjib fis-servizzi għal studenti b’diżabilita’ iżda sostniet li l-Gvern għandu jibda jiddiskuti l-inklużjoni b’mod aktar wiesgħa sabiex jindirizza sitwazzjonijiet fejn qed ibati kulħadd inkluż l-istudent innifsu. Fl-aħħarnett il-Union insistiet li qed tistenna li l-ftehim settorjali għall-gradi kollha tal-għalliema jkun negozjat u konkluż fl-iqsar żmien possibbli u mingħajr aktar dewmien.
Marco Bonnici l-President tal-MUT qalilna li qal li m’hemmx miżuri konkreti biex jiġu mħarsa il-ħtiġijiet fis-settur.
//= $special ?>