Joseph Muscat iġġustifika l-eluf fuq eluf ta’ ewro li qed titħallas Deborah Schembri mill-awtoritajiet tal-Gvern meta kien mistoqsi dwar dan f’konferenza tal-aħbarijiet ftit wara d-diskors tal-budget.
Deborah Schembri ma telgħetx fl-aħħar elezzjoni, imma m’għaddiex ħafna żmien qabel ġiet appuntata f’karigi f’żewġ awtoritajiet differenti: l-Awtorita’ tal-Artijiet u l-Awtorita’ tal-Ippjanar. Biss biss, għall-kariga tagħha fl-Awtorita’ tal-Ippjanar, Deborah Schembri qed titħallas aktar minn €40,000 fis-sena.
Meta kien mistoqsi mill-media kif jiġġustifika li l-anzjani jtihom €2 fil-budget, u lil Deborah Schembri jtiha eluf ta’ ewro f’aktar minn job wieħed, il-Prim Ministru ġġustifika u qal li m’hawnx aħjar minn Deborah Schembri għall-karigi li ntgħażlet għalihom.
“Dr. Schembri kienet il-persuna li draftjat il-liġi kemm dwar l-ippjanar, jew kienet involuta ħafna, kif ukoll dwar il-lands, żewġ liġijiet relattivament ġodda,” beda jispjega Muscat. “F’dal-każ, Dr. Schembri kienet, u hija l-aħjar persuna for the job,” iġġustifika l-Prim Ministru.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, staqsejna wkoll dwar ir-raġunijiet għaliex il-Gvern reġa’ għal darb’oħra ma raħħasx il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel… anke jekk il-prezzijiet f’Malta huma ogħla mill-medja tal-prezzijiet fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. U staqsejna wkoll għaliex il-bdiewa u s-sajjieda ma ssemmew imkien fid-diskors tal-budget.
“Naħseb in-nies jafu li matul dawn l-erba’ snin kellna fost l-irħas prezzijiet u tnaqqis konsistenti fil-prezz tal-fuel li qatt kien reġistrat,” qal Muscat filwaqt li mera l-istatistiċi li juru biċ-ċar li l-prezzijiet f’Malta huma ogħla mill-medja Ewropea.
Dwar il-mod kif il-Gvern ma lissinx kelma waħda li hi waħda dwar il-bdiewa u s-sajjieda, il-Prim Ministru qal li dawn diġa ssemmew fil-budget tas-sena li għaddiet, u li l-Gvern ma semmiex lill-bdiewa u s-sajjieda għax ried iżomm id-diskors tal-budget qasir.
“Żgur dak li għamel il-Ministru llum, li ħadna inkonjizzjoni l-kritika konsistenti li kien ikollna li d-diskors ta’ tlett siegħat kien ikun twil wisq, u allura żammejna mas-sagħtejn,” qal il-Prim Ministru waqt li żied li se jissemmew miżuri għall-bdiewa u s-sajjieda f’diskorsi futuri fil-Parlament.
Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fi Pjazza Kastilja.
//= $special ?>