Franza mgħandhiex tirrikonoxxi ‘Katalonja indipendenti’ f’każ li dan ir-reġjun prominenti jiddikjara l-indipendenza b’mod unilaterali mill-kumplament ta’ Spanja.
Dan qalitu l-Ministru ta’ Franza għall-Affarijiet Ewropej, Nathalie Loiseau, waqt li kienet qed titkellem fuq CNews Television u fejn spjegat li ‘f’din is-sitwazzjoni, kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ indipendenza (min-naħa ta’ Katalonja) għandha tkun waħda unilaterali u, għaldaqstant, mgħandhiex tkun rikonoxxuta minn Pariġi’.
Ir-reġjun ta’ Katalonja, fil-preżent, qed igawdi livell għoli ta’ awtonomija u għandu l-lingwa u kultura tiegħu.
Intant, il-Gvern reġonali li ilu żmien jaħdem għal Katalonja indipendenti, fl-Ewwel ta’ Ottubru, mexxa referendum għas-separazzjoni tar-reġjun minn Spanja u li sar bi sfida diretta għall-Qorti Kostituzzjonali Spanjola li, qabel, kienet iddikjarat il-vot bħala illegali.
Min-naħa tagħha, Nathalie Loiseau qalet li ‘Katalonja ma tistax tkun iddefinita mill-vot ta’ ġimgħa ilu li organizza l-moviment ( Katalan) għall-indipendenza’.
Loiseau kompliet li din il-kriżi teħtieġ li tkun riżolta permezz tad-djalogu f’kull livell tal-politika Spanjola.
Il-Gvern Franċiż jemmen li kwalunkwe deċiżjoni bl-għaġġla li tirrikonoxxi l-indipendenza potenzjali ta’ Katalonja wara dikjarazzjoni unilaterali ‘tammonta għal sitwazzjoni fejn Franza tkun qed taħrab mir-responsabbiltajiet tagħha’.
Sadanittant, Nathalie Loiseau saħqet li kieku l-indipendenza ta’ Katalonja kellha tkun rikonoxxuta, ‘u liema ħaġa mhix qed tkun diskussa f’Pariġi’, l-aktar konsegwenza immedjata tkun it-tluq awtomatiku ta’ dan ir-reġjun mill-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>

