Ewropa Internazzjonali

Ikomplu t-taħditiet dwar il-Brexit

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li temmen li ‘il-ballun jinsab f’saqajn l-Unjoni Ewropea’ meta t-taħditiet dwar il-Brexit, issa, laħqu fażi kritika.
Sadattant, filwaqt li r-Renju Unit qed jipprova jikseb ftehim qabel joħroġ mill-UE, f’Marzu tal-2019, il-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni qed jinkwetaw li l-proċess tad-djalogu se jkun imxekkel mill-problemi politiċi li qed tiffaċċja l-istess Theresa May f’pajjiżha.
Dan hekk kif in-negozjatur tal-UE, Michel Barnier, u r-Rappreżentant tar-Renju Unit, David Davis, fetħu l-ħames round tat-taħditiet dwar ‘id-divorzju’ tal-Britanniċi mill-UE – b’dan ikun l-aħħar round qabel il-Mexxejja tal-Ewropa jiltaqgħu, fid-19 ta’ Ottubru, biex jiddeċiedu jekk javvanzawx għal negozjati kummerċjali ma’ Londra.
Il-pronostiku, minn dan l-aspett, ma jawgurax tajjeb wisq għar-Renju Unit.
Fil-fatt, il-Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, wissa li ‘jinħtieġu l-mirakli, din il-ġimgħa, biex isir il-progress neċessarju għal deċiżjoni pożittiv waqt is-summit’.