Minkejja li l-problema tal-kera hi problema persistenti u dejjem ikbar f’pajjiżna, li qed twassal biex diversi persuni jaqgħu fil-faqar, fil-budget il-Gvern ħasel idu.
Dan hekk kif minkejja diskors twil, b’dokument tal-budget ta’ 88 paġna, f’dan il-budget hemm sezzjoni sħiħa dwar il-problema tal-housing u s-suq tal-proprjetà iżda kważi l-ebda inizjattivi.
Filfatt dwar housing affordabbli, il-Gvern tant għadu bla pjan li qed iwiegħed biss white paper u diskussjoni dwar is-suq tal-kera.
Bil-kirjiet dejjem ogħla, tikber il-problema ta’ nies li ma jaffordjawx post. Hawn il-Gvern jagħmel biss riferenza għal proġett li kien dġa’ tħabbar, jiġifieri bini ta’ 700 appartament għal housing soċjali. Iżda wara snin fejn ma nbeniex lanqas wieħed, il-Gvern stess jammetti li hemm bżonn tkompli tikber il-ħidma f’dan is-settur.
Tant hi kbira l-problema ta’ nuqqas ta’ binjiet tal-Gvern, li l-anzjani li jidħlu f’xi dar tal-anzjani, qed jintalbu jirritornaw iċ-ċwievet ta’ postijiet tal-Gvern biex tinqatalhom inqas taxxa mill-paga.
Il-Gvern jammetti wkoll li d-djar tal-Gvern jinsabu fi stat ħażin tant li ġew akkwistati fondi Ewropej għall-installazzjoni ta’ lifts u jingħad li l-Awtorità tad-Djar trid tkompli tagħmel manutenzjoni u tisbiħ tal-binjiet.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-pensjonanti, faxxa vulnerabbli b’nies li jsibuha diffiċli jlaħħqu mal-ħajja, fid-diskors tal-budget issemmew tresholds speċjali biex l-anzjani jibbenefikaw minn sussidji, iżda x’inhuma dawn it-tresholds ma tħabbarx.
Se jogħla l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet li mhux intaxxat, għal €13,200 waqt li dawk li jirċievu l-pensjoni tas-servizz se jaraw żieda ta’ €200 u dawk li jagħlqu l-75 sena u jibqgħu jgħixu fi djarhom se jirċievu €300 fis-sena.
Iżda f’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda fil-pensjoni kontributorja u anke mhux kontributorja, din se tkun biss ta’ €2 fil-ġimgħa.
Fid-dawl li l-problemi ta’ dawk l-iktar vulnerabbli ftit li xejn ġew indirizzati, b’mod speċjali l-kirjiet għolja u l-prezz tal-proprjetajiet, wara dan il-budget il-poplu jibqa’ jistaqsi għand min qed imur is-surplus.
//= $special ?>