Budget 2018 Lokali

“Il-Gvern jiftaħ għajnejh dwar il-bini vojt, u għadu qed jittewweb dwar it-traffiku u t-tniġġis” – Alternattiva Demokratika

Fl-ewwel reazzjoni iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li l-Alternattiva Demokratika hi sodisfatta li fl-aħħar il-Gvern fetaħ għajnejh beraħ dwar il-ħtieġa li jattakka b’mod qawwi l-propjeta’ vojta u dan b’miżuri li jħeġġeġ din il-propjeta’ tidħol lura fis-suq.

L-AD qalet li f’das-settur il-Gvern, fl-aħħar qiegħed jagħti widen għall-proposti li AD ilha tagħmel għal żmien twil. Il-Gvern iżda qed jipposponi l-intervent neċessarju fis-suq privat tal-kera. Is-suq qed ifalli bil-kbir u intervent tal-istat huwa assolutament neċessarju issa.

Naqblu li huwa l-istat li għandu jiggarantixxi housing soċjali adegwat għal dawk li verament għandhom bżonnu. Il- housing soċjali għandu jkun ipprovdut f’qafas ta’ servizzi iffokati lejn persuni li għandhom bżonn għajnuna biex ipoġġu ħajjithom u dik ta’ familthom fuq sisien sodi.

Is-surplus finanzjarju tal-pajjiz juri li hemm rieda biex il-bilanc bejn id-dhul u l-infieq jiġi kontrollat u dan wara ħafna snin. Iżda nistaqsu x’inhu l-kontribut lejn dan is-surplus mit-taxxa li tithallas mill-kumpaniji hekk imsejħa ‘letterbox companies’? It-tisħiħ ta’ liġijiet kontra l-evazjoni tat-taxxa f’pajjiżi oħra, irid jew ma jridx il-Gvern Malti, żgur li se jaffettwa tali dħul fil-viċin qarib. Dan huwa dħul minn evazjoni ta’ taxxi ta’ pajjiżi oħra u huwa vit li se jingħalaq ma jdumx. Id-diskors tal-budget jinjora dan il-fatt.

Filwaqt li l-ftehim dwar il-paga minima beda jtħaddem, hemm bżonn titjib sostanzjali għax ir-realta’ tibqa’ li min jaqla’ l-paga minima qed jaħdem iżda xorta waħda jgħix fid-dell tal-faqar.

Minkejja l-ftaħir superfiċjali taż-żieda fin-numru ta’ turisti u l-kompetittivita’ f’dal-qasam hemm realta’ ta’ ħaddiema li qed jaħdmu b’kundizzjonijiet ħżiena, kif ukoll infrastruttura u servizzi li mhux qed ilaħħqu mal-piż tat-turiżmu tal-massa. Dan hu qasam fejn hemm kwantita’ ta’ ħaddiema b’dak li hu magħruf bhala zero hours contract, materja li id-diskors tal-budget tinjora kompletament.

Il-politika tal-Gvern ta’ żieda fil-kapaċita’ ta’ toroq eżistenti, bil-bini ta’ flyovers u mini filwaqt li tindirizza fl-immedjat il-konġestjoni twassal għal żieda fit-traffiku fit-toroq tagħna. Il-Gvern qed jaġixxi bħal dik il-persuna li għandha piż żejjed u twessa’ ħwejjiġha biex ‘issolvi’ l-problema flok ma tikkonsidra bis-serjeta l-ħtiega tad-dieta. Għalkemm il-Ministru tal-Finanzi jidher minn kliemu li irrealizza li l-politika tal-bini tat-toroq mhux se ssolvi l-problema ironikament m’hu se jagħmel xejn effettiv għajr ‘upgrades’ fit-toroq. Dan hu biss żejt fil-bażwa u ma jsolvi xejn.

F’dan il-qasam il-Gvern qed jibża jkun deċisiv. Bil-politika tiegħu, li hija tkomplija tal-politika tal-Gvern precedenti  wkoll, ser ikompli jżid it-tniġġis tal-arja u l-mard respiratorju. AD tisħaq fuq politika serja u immedjata li tinċentiva mezzi nodfa ta’ trasport, trasport pubbliku li jingħata prijorita’ fit-toroq u faċilitajiet u fuq kollox infrastruttura sikura għar-roti u roti elettriċi. L-inċentivi fuq ir-roti u r-roti elettriċi huma importanti u qabża kbira ‘l quddiem, iżda ninsistu li ‘bicycle highways’ tul l-bypasses u sigurta’ fit-toroq huma essenzjali biex aktar nies iħossuhom komdi jużaw it-toroq bir-roti u l-pedelecs għall-commuting. Din mhux biss tkun politika iktar effettiva ambjentalment imma tagħti valur għall-flus għall-infieq li jsir. Bl-istudji fuq affarijiet ovvji, bħat-trasport tal-iskejjel, m’hu se naslu mkien. Hu l-mument tad-deċiżjoinijiet mhux tal-istudji.

Kull budget nisimgħu fuq afforestazzjoni u budget wara budget nibqgħu fejn qegħdin, b’miżuri fjakki biex taparsi jkun sar xi ħaġa. Fit-toroq minflok isir spazju għas-siġar, qed jitqaċċtu s-siġar għal aktar spazju għal aktar u aktar traffiku.

Il-pass li tiddaħħal sistema ta’ depożitu fuq kontenituri tax-xorb tal-plastik huwa pass pożittiv. Hi proposta li kienet saret fl-2004 imma l-Gvern ta’ dakinhar beża’ minħabba l-oppożizzjoni tal-GRTU. Hi meħtieġa b’urġenza: għalhekk nistennew aktar dettalji dwar l-iskema biex inkunu nistgħu naraw kemm se tkun effettiva.

AD tistenna li l-problema tal-iskart – inkluż it-tnaqqis tiegħu għandha tiġi iffaċċjata malajr, bi ħsieb u b’mod ħolistiku. ‘Short-cuts’ li jnaqqsu r-riċiklaġġ mhux aċċettabbli. Il-Gvern qed jammetti li falla fl-immaniġġjar tal-iskart u jrid jibni inċeneratur għal ammont kbir ta’ skart minflok jara kif inaqqas l-iskart u jżid ir-riċiklaġġ. Inċineratur għall-iskart għandu jkun l-aħħar soluzzjoni għal skart li assolutament ma jistax jitnaqqas jew jiġi riċiklat. AD hi disposta li taghti l-kontribut tagħha f’dan l-isforz.

Fir-rigward tal-enerġija rinovabbli jidher li l-Gvern qed jimmira biss għall-minimu. Ma irrealizzax li pajjiżna jista’ joħloq x-xogħol u jkun fuq quddiem f’teknoloġija avvanzata f’dan il-qasam. Hemm bżonn investiment fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. It-tisħiħ ta’ din is-sistema huwa essenzjali biex tiżdied l-enerġija rinovabbli. Il-mira ta’ Malta għandha tkun ta’ ‘net zero carbon’ sas-sena 2050.

Alternattiva Demokratika se tkompli tanalizza l-budget fil-jiem u ġimgħat li ġejjin.