Żagħżugħ ta’ 21 sena li lbieraħ ittajjar minn vettura fl-Imġarr, jista’ jgħoddha b’waħda wara li xufier ħareġ minn triq sekondarja u tajru minn fuq ir-rota.
F’messaġġ fuq Facebook, iż-żagħżugħ Darrel Schembri appella lill-pubbliku biex juri rispett lejn iċ-ċiklisti. “Illum jien fortunat li għadni ħaj,” iddikjara Schembri, filwaqt li tella’ wkoll ritratt b’messaġġ biex is-sewwieqa jaraw li t-triq tkun ħielsa miċ-ċiklisti qabel jaqsmu.
Skont ir-rapport tal-Pulizija, Schembri sofra ġrieħi ħfief minħabba li m’għandux ksur. Madankollu hu sofra injury fil-muskoli li tfisser li ma jistax jimxi għalissa, xi ħaġa diffiċli ferm għal atleta li kien involut fil-basketball u issa qed jitħarreġ u jikkompeti fit-triathlons.
L-inċident seħħ fi Triq Għajn Tuffieħa, fl-Imġarr, għall-ħabta tal-15:45 meta Schembri ntlaqat minn anzjan ta’ 61 sena residenti l-Mellieħa u li kien qed isuq vettura tat-tip Suzuki Samurai.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>