Żewġt irġiel Libjani li kienu feruti fi ġlieda ma’ grupp ta’ Sirjani f’Bugibba f’Lulju li għadda, ipprovaw jevitaw milli jagħtu xhieda meta qalu lill-Qorti li kienu ħafru lill-aggressuri.
Al Khadur Fadi, ta’ 26 sena, Najar Ghyas, ta’ sena 20, Al Maaloul Abdulkhader, ta’19-il sena u Alghazi Abdallah ta’ 19-il sena, kollha imwielda fis-Sirja u jgħixu f’San Pawl il-Baħar tressqu l-Qorti l-ġimgħa li għaddiet akkużati li kkaġunaw ġrieħi gravi u sfreġju wara li kienu indentifikati f’investigazzjoni mill-Pulizija.
F’seduta preċedenti, l-Ispettur Maurice Curmi qal lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li fit-3 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta tal-10.30p.m. grupp ta’ għaxart’ irġiel barranin aktarx Sirjani, kienu qed jiffittaw klijenta f’restaurant fil-Pjazza ta’ Buġibba u pprovaw jeħdulha s-siġġu.
Raġel li kien qed jara kollox, qallhom biex jieqfu u allegatament il-grupp dar għalih u attakkawh. Ir-raġel spiċċa bi ġrieħi gravi ikkaġunati minn daqqiet bi flixkun.
L-Ispettur Curmi qal li fis-2.30a.m. raġel Libjan mar jirrapporta l-għassa li hu raġel li kien ferut f’mejda qrib fejn kien hu. Is-Sirjani marru jagħmlu rapport ukoll iżda ma deherx li kellhom xi ġrieħi. Huma qalu li l-inċident kien instigat mill-Libjani.
L-Avukat Franco Galea, li qed jidher għall-akkużati, staqsa kif ġew identifikati. “Ħadd ma kien jaf min kien ir-raba raġel iżda qariba tal-vittma identifikatu fuq Facebook. It-tlieta l-oħra marru l-għassa tal-pulizija minn jeddhom,” tenna l-Avukat Galea.
L-ewwel Libjan li kien msejjaħ jixhed, Helmi Abduray Saleh, deher li ma riedx jixhed. “Kelli problema imma issa kollox sew, ħfirtilhom,” tenna x-xhud iżda l-Qorti spjegat li l-Pulizija xliet lill-akkużati mhux abbażi tar-rapport tiegħu u l-prosekuzzjoni kienet se tkompli xorta.
“Kont qiegħed fil-Pjazza nieħu kafe’ meta f’daqqa waħda, xi ħadd tani daqqa f’rasi. M’għandi x’naqsam xejn ma’ dan il-każ.”. Il-Maġistrat Frendo Dimech wissietu li jista’ jinżamm mill-Qorti jekk ikun hemm suspett li qed jigdeb. “Ma nafx, intlaqatt minn flixkun f’rasi u sturdejt u meta qomt, kont fl-Isptar,” saħaq il-Libjan.
“Is-soltu jaqgħu il-fliexken mis-sema fil-Pjazza ta’ Buġibba?” staqsiet il-Qorti, “Għaliex mort tirrapporta fl-għassa tal-Pulizija? Hemm xi ħadd qed jheddek?”
“Kien hemm ħafna nies…,” kompla x-xhud, bil-Maġistrat twissieh mill-ġdid u fakkritu li beda x-xhieda tiegħu li ħafer lill-aggressuri. “Lil min ħfirt jekk il-fliexken waqgħu mis-sema,?” staqsiet il-Qorti.
Saleh sostna li qatt ma identifika lil ħadd. Meta mistoqsi jekk rax lil xi nies jilagħbu, hu qal li ma ra lil ħadd. “Wara li intlaqatt mill-flixkun, sibt ruħi fl-Isptar. Wara mort l-għassa tal-Pulizija biex nagħmel rapport”
Saleh, li għandu farrett viżibbli fuq ġbinu, qal lill-Qorti li ma kienx qed jagħraf dokument li suppost ta lill-Pulizija u tenna li ma jafx jaqra.
Xehed ukoll Libyan ieħor, Mabruk Abdul Latif, li qal li kien qed jieħu kafe’ flimkien ma’ martu u l-familja tagħha meta nqalgħet il-ġlieda ma’ Sirjani, u identifikahom fl-Awla.
Hu tenna li “għandu mara u tarbija u ma jridx inkwiet u ġlied” u li għaldaqstant qed jaħfrilhom.
Il-Maġistrat Frendo Dimech qaltlu li Qorti tikkonsidra l-maħfra tal-vittma jekk il-każ jasal għas-sentenza imma spjegat li r-reat mhux biss lejn il-persuna ta’ Latif iżda wkoll lejn is-soċjeta’ Maltija in ġenerali. Għaldaqstant il-każ se jkompli u wissietu biex ma jħalli xejn barra mix-xhieda tiegħu.
Latif qal li s-Sirjani kienu qed idejjquhom b’għajjat u kant. F’ħin minnhom kienu qed jilagħbu b’pupu li kienu qed jużawh bħal ballun u f’ħin minnhom, ixxuttjawh taħt saqajn martu u ppruvaw jiġbdu s-siġġu minn taħtha.
Kien hawnhekk li bdiet il-ġlieda bi flixkien itiru. Meta mistoqsi, Latif ma rnexxielux jidentifika min ipprova jiġbed is-siġġu minn taħt martu, u lanqas min laqtu bi flixkun.
//= $special ?>