Lokali

L-Oppożizzjoni tagħti l-appoġġ tagħha biex Malta tospita l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tagħti l-appoġġ kollu tagħha għall-applikazzjoni ta’ Malta biex tospita l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini. Din il-pożizzjoni ġiet espressa f’ittra li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia bagħat lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Jekk din l-applikazzjoni tkun ta’ suċċess, l-impatt fuq Malta jkunu pożittivi. Pajjiżna diġà kien ta’ suċċess fl-ospitar ta’ aġenzija simili meta fl-2009, l-Gvern Malti kellu l-applikazzjoni tiegħu għall-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil approvata.

Fl-ittra tiegħu lill-Prim Ministru, l-Kap tal-Oppożizzjoni nformah li l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa jinsab lest li jassisti lill-Gvern f’din il-materja.

Fi tweet il-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew ikkonferma s-sapport tal-Ewro- Parlamentari biex din l-aġenzija titħaddem minn pajjiżna.